Mill-investigazzjonijiet li kompla jagħmel netnews.com.mt jirriżulta li l-aleggat sparatura li saret ilbieraħ fil-Gżira ma kienet xejn għajr paniku minn raġel ta’ nazzjonalità barranija li kien qed jakkumpanja lill-mara tiegħu li hi tqila.
Kollox jidher li beda meta żewġ ġuvintur kienu jinsabu fil-Fun Park li bħalissa jinsab f’Manoel Island u dawn wara li ħarġu bdewjilagħbu b’ġugarell b’għamla ta’ machine gun li jispara boċċi żgħar tal-plastic.
Dak il-ħin inzerta kienu għaddej il-koppja barranija, li ġibdu l-attenzjoni tal-ġuvintur bil-konsegwenza li l-argument eskala, b’wieħed mill-ġuvintur jitfa’ l-ġugarell fil-baħar. Fil-kommossjoni issejħu l-pulizija li attendew f’ammont kbir minħabba li kien hemm min allega li żagħżugħ spara b’air gun fuq mara tqila.
Il-pulizija kkalmat is-sitwazzjoni u ħadet liż-żagħżugħ l-għassa biex titkellem miegħu.
Aktar qabel: Żagħżugħ Malti ġie arrestat bi żball wara li raġel spara fuq mara tqila permezz ta’ air gun. Għaldaqstant l-agressur jew l-agressuri għadhom maħruba.
Il-mara fortunatament ma sofriet l-ebda ġrieħi, bl-agressur jew agressuri jaħarbu mill-appartament fi Triq ix-Xatt fil-Gżira, fejn seħħ dan kollu.
Kien hawn li ssejħet il-Pulizija, waqt li grupp ta’ Maltin u turisti ngħaqdu flimkien u segwew liż-żagħżugħ li ħasbu li wettaq l-isparatura, iżda wara li żagħżugħ Malti kien arrestat, wara l-interrogazzjoni l-Pulizija sabet li ż-żagħżugħ arrestat kien innoċenti u ma kellu x’jaqsam xejn f’dan il-każ u għaldaqstant inħeles ftit tal-ħin wara.
Fil-pussess tal-uffiċjali tal-Pulizija dehret ukoll kaxxa tal-istess airgun użat f’dan il-każ.
Bħalissa l-Pulizija għaddejja bi tfitxija għall-agressur jew agressuri.

//= $special ?>