Internazzjonali

AĠĠORNATA: 22 mejta u ‘il fuq minn 60 midruba f’attakk terroristiku waqt kunċert f’Manchester – Maltin li kienu preżenti mhux fost il-vittmi

Ir-reġjun ta’ Greater Manchester, fir-Renju Unit, jinsab maħkum mit-tensjoni wara li raġel suwiċida, matul il-lejl li għadda, tajjar tagħmir splussiv fil-Manchester Arena proprju waqt li kien qed jintemm kunċert tal-kantanta Ariana Grande u meta l-folla, dak il-ħin, kienet qed tħejji biex toħroġ mill-kumpless.

F’dan l-attakk  mietu talanqas 22 persuna, fosthom tfal, b’aktar minn 60 midruba qegħdin jingħataw trattament f’numru ta’ sptarijiet fiz-zona ta’ Manchester. Kien ikkonfermat ukoll li l-aggressur responsabbli tilef ħajtu fl-isplużjoni, meta l-awtoritajiet qed imexxu investigazzjoni bir-reqqa biex isiru jafu biċ-ċert jekk  ir-raġel kienx qed jaġixxi waħdu.

L-aħħar rapporti, issa, qalu li pulizija armati f’Chorlton, lejn in-Nofsinar ta’ Manchester, kienu qed iżommu raġel taħt arrest, u li dan kien qed jgħin fl-istħarriġ dwar l-attakk. Fl-istess ħin, il-grupp terroristiku ISIS qed jassumi responsabbiltà għall-istraġi waqt il-kunċert permezz ta’ messaġġi fuq it-Telegram Messenger.

Għall-kunċert ta’ Ariana Grande kien hemm preżenti wkoll numru ta’ Maltin iżda b’xorti tajba ħadd minnhom ma ndarab.

Intant, il-qraba ta’ wħud min-nies li marru għall-kunċert ukoll qed jużaw il-media soċjali biex jippruvaw jikkuntattjaw lill-għeżież li huma rappurtati nieqsa u fejn qed jirrikorru għal numru ta’ emerġenza speċjali.

Il-kantanta Ariana Grande kienet fost l-ewwel nies li bagħtet messaġġ ta’ niket u simpatija lill-qraba tal-vittmi waqt li l-Ministru tal-Intern tar-Renju Unit, Amber Rudd, fissret l-attakk bħala wieħed barbaru li kien dirett kontra l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.

Intant, l-inċident tal-lejl li għadda nissel xokk kbir madwar il-pajjiż, bil-bnadar qed jittajjru mezz’asta f’ Downing Street, f’Londra, u bil-partiti politiċi jissospendu l-kampanji rispettivi ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għandha ssir ix-xahar id-dieħel fir-Renju Unit.

Fl-aħħar sigħat, diversi mexxejja minn madwar id-dinja ingħaqdu f’messaġġi ta’  solidarjetà mar-Renju Unit, fosthom il-President Franċiż, Emmanuel Macron, li fisser l-azzjoni f’Manchester bħala waħda indiskriminattiva u mingħajr l-ebda rispett għall-ħajja tal-innoċenti.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, dalgħodu laqqgħet b’urġenza il-kumitat għall-Gvern imlaqqam Cobra li jitratta inċidenti ta’ dan it-tip u fost rapporti li żdiedet il-preżenza tal-pulizija fil-belt kapitali ta’ Londra.