Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ma ċaħadx li qed jimmira biex jilħaq Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara li d-Deputat Mexxej preżenti, Louis Grech, jitlaq mill-kariga.
Il-Viċi-Prim Ministru diġà ħabbar li mhux se jkun qed jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali bikrija tat-3 ta’ Ġunju, b’Chris Fearne jgħid li se jkun qed iħabbar id-deċiżjoni tiegħu wara l-elezzjoni ġenerali.
“Nikkonferma li Louis Grech ħabbar li mhux se jibqa’ Deputy Leader wara l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju, u ladarba jkun hemm Gvern Laburista ġdid, ikun hemm il-kariga ta’ Deputy Leader u Deputy Prime Minister li tkun miftuħa. F’dakinhar, f’dak l-istadju, jiena nħabbar id-deċiżjoni tiegħi” qal Chris Fearne fir-rispota tiegħu għall-mistoqsija ta’ NET News.
Bir-risposta tiegħu, Fearne indika, għalkemm mhux bl-aktar mod ċar, li se jkun qed jinteressa ruħu fit-tellieqa għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Sa issa, għad ma kienx hemm deputati jew uffiċjali Laburisti li esprimew interess f’din il-kariga.
//= $special ?>