Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Donald Trump imissu jsejjaħli biex immexxi l-Amerika miegħu” – JPO

Mistoqsija dwar kemm jitħallas mill-Gvern, xejn ma niżlet tajjeb mal-kandidat Laburista Jeffrey Pullicino Orlando

“Donald Trump missu jsejjaħli biex immexxi l-Amerika miegħu” kienet ir-risposta umli tal-kandidat Laburista Jeffrey Pullicino Orlando meta waqt konferenza tal-aħbarijiet kien mistoqsi dwar kemm jitħallas mill-Gvern bħala Chairperson tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, Pullicino Orlando kien mistoqsi mistoqsija mill-aktar sempliċi: kemm daħħal flus mill-pożizzjonijiet li poġġih fihom il-Gvern Laburista. Iżda għal xi raġuni, Pullicino Orlando sabha bi tqila biex jirrispondi.

“Ħares lejn ir-riżultati, Mr. Frendo FKK” kienet l-ewwel tweġiba tal-kandidat Laburista, li madanakollu injora talbiet ta’ NET News biex jispjega dawn ir-riżultati.

Meta NET News irrimarka dwar il-fatt li tqum din il-mistoqsija fid-dawl tal-fatt li Pullicino Orlando allegatament kien qed imur l-uffiċju tiegħu darba f’ġimgħa biss, il-kandidat Laburista infiska. “U mhux hekk!” kienet ir-reazzjoni tiegħu. “Int temmen lil Caruana Galizia jew lil David Thake?”.

Meta ġbidnielu l-attenzjoni li kellu l-opportunità kollha biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu, Pullicino Orlando ma damx wisq jomgħodha. “Nista’ nassigurak li kieku jiena verament li qed immur l-MCST darba fil-ġimgħa u għamilt dak li għamilt fl-MCST, imissu jiena jsejjaħli Donald Trump biex immexxi l-Amerika miegħu, għax veru għamilt il-mirakli” ftaħar Pullicino Orlando, mingħajr ma ta lista tar-riżultati jew wieġeb il-mistoqsija oriġinali: kemm qed jitħallas mill-Gvern.

Kien hawnekk fejn il-kandidat Laburista telaq ‘il barra mill-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet.