Elezzjoni 2017 Lokali

Ħafna mill-proposti tal-MDA intlaqgħu mill-Partit Nazzjonalista – Sandro Chetcuti, il-President tal-MDA

Jiena ninsab sodisfatt li ħafna mill-proposti li l-Malta Developers Association (MDA) għaddiet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil intlaqgħu mill-Partit Nazzjonalista u huma wkoll proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista. Fost dawn hemm it-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni li hi aktar minn dak li qed tipproponi l-MDA

Sandro Chetcuti, il-President tal-MDA qal dan waqt laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu mal-membri tal-MDA. Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Beppe Fenech Adami, minn Marthese Portelli, Claudio Grech, Robert Arrigo, Ray Bugeja u Ivan Bartolo. L-MDA anke ippreżentat il-proposti tagħha lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-ftuh tal-laqgħa, Simon Busuttil qal li fl-aħħar ftit snin il-PN ħadem mal-MDA u llum għandu relazzjoni b’saħħitha. Hu elenka wkoll uħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-proprjetà.

Simon Busuttil qal li gvern ġdid Nazzjonalista bi sħubija mas-settur privat jibni proġetti ta’ social housing permezz ta’ oqsma ta’ djar. Hu fakkar li matul l-aħħar erba snin is-sitwazzjoni aggravat u l-Gvern preżenti ma beniex dar waħda għal skop ta’ housing soċjali. L-Awtorità tad-Djar tidħol fi skemi ta’ kiri mingħand il-privat għal skop ta’ social housing. Simon Busuttil għamilha ċara li gvern ġdid Nazzjonalista ma jridx jindaħal u jikkontrolla l-prezzijiet tal-kera fil-privat.

Dawk li jixtru proprjetà għall-ewwel darba se jinżammu l-inċentivi eżistenti u jiddaħħal sussidju fuq l-interessi għal koppji żgħażagħ u dan ikun estiż għal nies separati u divorzjati. Min ikun diġa xtara xi garaxx jew qabar xorta se jibqa’ jitqies bħala first time buyer.

Simon Busuttilo ħabbatr li gvern ġdid Nazzjonalista se jneħħi għal kollox it-taxxa tas-suċċessjoni u din se tiswa madwar €17-il miljun. Hu qal li din il-proposta qed issir għax mhux sewwa li min ħadem u jkun investa fil-proprjetà, wara mewtu tkun penalizzata l-familja tiegħu bit-taxxa tas-suċċessjoni.

Dwar il-Capital Gains Tax qal li din it-taxxa titnaqqas minn 15 għal 5 fil-mija għal dawk il-binijiet li jinxtraw f’żoni ta’ riġenerazzjoni wara li jkun hemm konsultazzjoni pubblika. Fost dawn iż-żoni hemm il-Marsa, il-Ħamrun u Buġibba. Parti mill-VAT miġbura mill-lokalitajiet terġa’ tkun investita fl-istess żona biex ikun hemm esperjenza ta’ xiri aktar attraenti.

Proposta oħra hi li titfassal politika nazzjonali dwar l-iskyline b’direzzjoni ċara wara li jkun hemm konsultazzjoni pubblika kif ukoll li ssir riġenerazzjoni ta’ bini storiku.

Simon Busuttil irrefera wkoll għas-sitwazzjoni prekarja li jinsab fiha s-settur tas-servizzi finanzjarji li jħaddem madwar 22,000 persuna u dan minħabba li pajjiżna qed jitlef ir-reputazzjoni tiegħu minħabba l-korruzzjoni. Hu qal li fit-3 ta’ Ġunju li ġej se jkun qed jingħata ġudizzju jekk is-servizzi finanzjaji jibqgħu f’Malta jew le. Hu semma każ fejn klijent barranin li lest jinvesti €40 miljun fis-settur tas-servizzi finanzjarji  se jkun qed jistenna x’se jiħri Malta qabel jiddeċiedi jekk jagħżilx lil Malta jew jinvesti f’xi pajjiż ieħor bħal Lussemburgu. Simon Busuttil fakkar li s-settur tas-servizzi finanzjai flimkien ma dawk tal-gaming u tal-ICT jimpjegaw eluf ta’ ħaddiema barranin li jixtru jew jikru proprjetá, jmorru fir-ristoranti u anke fis-supermarkets. Għalhekk qed jintlaqat ħażin is-settur tas-servizzi finanzjaji se jkun hemm domino effect fuq setturi oħra tal-ekonomija.

Sandro Chetcuti qal li l-MDA qed tagħmel studju mal-KPMG li dalwaqt ikun lest u minnu ħareġ li b’mod dirett u indirett is-settur tal-proprjetà jħaddem madwar 30,000 ruħ u għalhekk din hi l-iktar industrija li tifrex il-ġid mit-18-il industrija li dawn f’Malta. Jirriżulta wkoll li bejn l-2011 u l-1015 l-industrija tal-bini kibret b’40 fil-mija.

Hu qal li l-MDA lesta taħdem ma kulħadd, irrispettivament min ikun hemm fil-Gvern u għalhekk importanti li jkun hemm komunikazzjoni kontinwa u talab li jkun hemm laqgħa kull xahar ma Simon Busuttil jekk ikun Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu Simon Busuttil aċċetta li jkun hemm dawn il-laqgħat bejn iż-żewġ naħat u anke talab li l-President tal-MDA jgħaddilu lista ta’ ismijiet ta’ nies kompetenti mill-MDA biex ikunu ikkunsidrati biex ikunu fil-bordijiet tal-Gvern.

Sandro Chetcuti qal li l-MDA qed taħdem mal-Gvern permezz ta’ Property Malta biex ikun attirat investiment barrani.

Simon Busuttil qal li jiddispjaċiħ li l-Gvern preżenti naqqas in-nefqa kapitali b’46 fil-mija matul is-sena li għaddiet. Hu qal li l-Gvern kellu baġit ta’ €1.2 biljun mill-UE li ġab gvern Nazzjonalista imma mhux jużahom tajjeb. Għalhekk gvern ġdid Nazzjonalista se juża l-flus tal-UE biex jinvesti fit-toroq arterjali u residenzjali, iwettaq il-proġett tal-metro fuq medda ta’ snin u anke fuq il-mina bejn Malta u Għawdex jekk l-istudji ġeoloġiċi juru li dan il-proġett jista’ jitwettaq.