Il-President tal-Brażil, Michel Temer, talab lill-Qorti Suprema biex tipproċedi b’investigazzjoni kontra tiegħu dwar allegat korruzzjoni u talli hu (allegatament) ipprova jfixkel il-proċess tal-ġustizzja.
Dan waqt li l-avukati ta’ Temer qalu li rekording ta’ materjal speċifiku li jitfa’ lill-President f’dawl ikrah ‘kien suġġett diversi drabi għall-irtokki (editing)’.
Fi tmiem il-ġimgħa, Temer kien ressaq petizzjoni lill-Qorti Suprema fejn talab is-sospensjoni tal-investigazzjoni fil-konfront tiegħu. Iżda l-avukati tiegħu, issa, iridu li ssir l-investigazzjoni ‘ħalli titneħħa t-tebgħa fuq isem il-President’. Dan waqt li huma qabbdu espert tal-audio li kkonkluda li r-rekording ma kienx se jikkonvinċi lill-qorti rigward ‘l-intenzjonijiet għall-korruzzjoni’.
Il-kontenut tar-rekording li l-media żvelat (jiem ilu) lill-pubbliku ikkaġuna taqlib kbir politiku u ekonomiku fil-Brażil. F’dan il-każ, il-President Temer spiċċa rrekordjat minn taħt waqt laqgħa li kellu mal-kap ta’ kumpannija kbira li tippakkja l-laħam. In-negozjant inkwistjoni għamel dan bi ftehim mal-prosekuturi u bil-għan li hu ikun suġġett għal piena iżgħar għal ksur tal-liġi.
Skont it-tape, Temer jinstama’ qisu qed japprova ħlas sigriet lill-eks Speaker tal-Kamra t’Isfel tal-Kungress Brażiljan, Eduardo Cunha, li spiċċa l-ħabs dwar korruzzjoni. Qed jingħad li Cunha kien jitħallas l-ekwivalenti ta’ 250,000 ewro fix-xahar biex jagħlaq ħalqu dwar is-sehem ta’ Temer u politiċi oħra fi skandlu kbir tal-korruzzjoni.
L-investigazzjoni, li fetħet f’Marzu tal-2014, qed tikkonċentra fuq kumpanniji li kienu offruti l-ftehim mal-kumpannija taż-żejt Statali, Petrobras, bħala parti minn tixħim fejn il-flus spiċċaw fil-bwiet ta’ politiċi inkella fi slush funds tal-partiti politiċi.
Meta ħareġ il-kontenut tar-rekording, ħafna Brażiljani kienu stennew ir-riżenja ‘awtomatika’ ta’ Temer, iżda hu għamilha ċara li se jistinka biex jikkonkludi l-mandat tal-Presidenza tiegħu li jintemm fl-aħħar tas-sena d-dieħla.
//= $special ?>