Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: L-eks-President Park għaddejja ġuri dwar korruzzjoni

F’Seoul beda l-ġuri tal-eks-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, li hi akkużata bil-korruzzjoni u fejn hi qed twieġeb li mhix ħatja.

Il-proċess  fil-qorti distrettwali ċentrali tal-kapitali hu indikattiv tal-kriżi li għaddejja minnu Park mindu tneħħiet mill-poter u meta hi qed tiffaċċja akkużi dwar tixħim; abbuż ta’ poter u talli żvelat is-sigrieti tal-Istat.

L-umiljazzjoni ta’ Park kienet riflessa fl-ewwel dehra tagħha fil-pubbliku mindu hi kienet arrestata, f’Marzu li għadda; bl-eks-President — li kellha jdejha marbutin bil-manetti — titwassal il-qorti b’vettura tal-ħabs.

Park qed tkun akkużata li ‘kooperat mal-ħabiba tagħha’, Choi Soon-sil, f’impenn ta’ rikatt għall-flus mingħand uħud mill-akbar kumpanji fil-Korea t’Isfel, fosthom Samsung. Jingħad li l-abbuż dam għaddej għal żmien, bi skambju ma’ ‘favuri politiċi’.

Intant, Choi Soon-sil, li wkoll qed twieġeb għall-akkużi, dehret maġenb Park Geun-hye, fil-qorti waqt il-bidu tal-proċess. Anki Choi qed tinsisti li mhix ħatja mill-akkużi miġjuba kontra tagħha.

L-eks President Park qed tiffaċċja total ta’ 18-il akkuża u fejn trid iddum ix-xhur tipprova tipperswadi lill-qorti li hi ma wettqitx pressjoni fuq il-kumpaniji biex jagħtu l-ekwivalenti ta’ miljuni ta’ ewro lil Choi Soon-sil, li hi ħabiba minn tfulitha.

Akkuża partikulari kontra Park qed tgħid li hi kienet ‘kixfet is-sigrieti Statali’ meta tat  permess lil Choi biex ikollha aċċess għal xogħlha bħala President. Akkuża oħra hi li l-eks President żammet ‘lista sewda’ ta’ personalitajiet fil-midja, li nżammitilhom l-għajnuna mill-Istat talli huma kkritikaw il-mod kif hi kienet qed tmexxi pajjiżha

Għexieren ta’ nies spiċċaw investigati jew arrestati b’konnessjoni ma’ dan l-iskandlu fil-Korea t’Isfel. Intant, huma kollha qed jinsistu bl-innoċenza tagħhom.