L-attur Britanniku veteran, Sir Roger Moore, miet fl-Iżvizzera, fl-età ta’ 89 sena u wara li fl-aħħar xhur kien qed jikkumbatti l-marda tal-kanċer. Mewtu tħabbret mill-familja tiegħu li qalet li l-attur kien se jingħata funeral privat f’Monaco.
Roger Moore, li kellu sehem f’diversi proġetti ċinematografiċi li nġibdu hawn Malta, jibqa’ mfakkar l-aktar għar-rwol tiegħu bħala l-aġent sigriet 007, fil-famuża sensiela James Bond.
Hu interpreta l-parti ewlenija ta’ Bond f’seba’ films li jinkludu Live and Let Die; The Man With The Golden Gun u Octopussy. Intant, Malta provdiet lokalità għall-films The Spy Who Loved Me u For Your Eyes Only, li wkoll kisbu suċċess fis-sensiela ta’ James Bond, b’Roger Moore bħala protagonista.
Moore kien sar isem famuż fis-snin sittin permezz tas-sensiela televiżiva The Saint, waqt li kiseb ukoll suċċess bis-sensiela tas-snin sebgħin, The Persuaders fejn, bħala sieħeb, kellu lill-attur rinomat Amerikan, Tony Curtis.
Fl-1976, Roger Moore kellu involviment fit-tul hawn Malta permezz tal-film Shout at the Devil tad-direttur Peter R. Hunt, u fejn miegħu kellu lill-attur, Lee Marvin.