Jien nagħżel kwalità aqwa tal-ħajja, Kura aqwa tas-saħħa
1. Insibu post adegwat viċin l-Isptar Mater Dei biex nibnu Ċentru għas-Saħħa Mentali ġdid, bħalma bnejna ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, biex ma nibqgħux nużaw l-Isptar Monte Carmeli. Nagħtu appoġġ akbar lill-professjonisti, lill-ħaddiema u lill-qraba fil-qasam tas-saħħa mentali, inkluż aċċess aħjar għal servizzi ta’ kura temporanja u tim ta’ intervent waqt kriżi li jkun imħarreġ u attrezzat 24 siegħa kuljum. Niżguraw li tingħata attenzjoni xierqa lill-qraba f’dawk li huma pariri u appoġġ.
2. Nagħtu lura lill-Għawdxin l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Nagħtu lura lill-pubbliku wkoll servizzi oħrajn li għaddew għand il-privat minn wara dahar kulħadd, bħad-dermatoloġija u l-prostetika. Dawk il-persuni li telqu l-impjieg pubbliku biex jingħaqdu ma’ VGH jingħataw l-opportunità li jidħlu lura fis-servizz.
3. Niżguraw li Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fil-ġlieda kontra d-dijabete, kundizzjoni li tolqot aktar minn 10% tal-popolazzjoni tagħna. L-istrippi tal-monitoraġġ taz-zokkor, u l-mediċini kollha, inkluża l-insulina, nagħtuhom b’xejn lill-pazjenti kollha tad-dijabete Type 2, bħal dawk li għandhom il-kundizzjoni Type 1. Wara konsultazzjoni mal-pazjenti u l-professjonijiet mediċi, naraw kif inhu l-aħjar mod biex nintroduċu l-pompi tal-insulina u l-monitoraġġ kontinwu taz-zokkor.
4. L-obeżità, il-kanċer, il-mard respiratorju u dak kardjovaskulari jkunu fil-mira ta’ programm ta’ monitoraġġ u screening biex noffru prevenzjoni u appoġġ fil-komunità u niżguraw li jkopru d-dixxiplini kollha fil-qasam tal-kura, bħal esperti tad-dieta, podoloġisti, psikoloġisti u konsulenti.
5. Inwaqqfu l-prattika xejn dinjituża li morda bil-kanċer ikollhom imorru jittallbu għall-kemoterapija għand il-Community Chest Fund. Għalhekk, lil dawk li huma morda bil-kanċer nagħtuhom il-kemoterapija li jkollhom bżonn b’xejn.
6. Nipprovdu klinika one-stop-shop u multi-dixxiplinari għal dawk li jsofru minn kundizzjonijiet bħall-fibromyalgia, ME, MS, chronic fatigue syndrome u diżabbiltajiet oħra inviżibbli. Is-servizz li qed jingħata bħalissa għal dawn il-kundizzjonijiet hu inadegwat għat-talba li qed ikun hemm.
7. Inżidu l-valur tal-voucher għal dawk li jsofru mill-kundizzjoni tas-celiac minn €50 għal €150. Nistudjaw ukoll il-possibilità li nintroduċu sistemi simili għal dawk li jsofru minn mard kroniku ieħor li jkollu bżonn ħarsien speċjali, kemm jekk ikun wieħed ta’ dieta kif ukoll ta’ apparat jew bżonnijiet oħrajn.
Tmexxija medika aqwa favur il-pazjenti u l-ħaddiema
1. Noffru tax-breaks u ħlas lura lil dawk il-persuni jew kumpaniji li jagħżlu li jkollhom polza tas-saħħa medika.
2. Nagħtu mediċini b’riċetta tat-tabib b’xejn li dawk kollha li jgħixu bil-pensjoni biss minħabba l-età jew xi diżabilità.
3. Nagħtu mediċini b’riċetta tat-tabib b’xejn ukoll lil dawk kollha li jsofru minn mard kroniku bħad-dijabete, l-ekżema u l-osteoporożi.
4. Nagħtu prijorità aqwa lill-ħaddiema f’dan il-qasam biex niżguraw li jkun hemm dejjem biżżejjed ħaddiema fis-settur biex jilqgħu għall-bżonnijiet tal-pajjiż fil-qasam tal-kura. Nirrikonoxxu l-kontribut importanti tal-ħaddiema mhux professjonisti, bħall-carers, l-assistenti tas-saħħa, u n-nursing aides, billi noffrulhom skemi ta’ boroż ta’ studju u tax rebates biex ikomplu jitħarrġu u jiżviluppaw. Nagħtuhom allowances speċjali regolari marbutin mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Professjonisti fil-qasam tal-kura anċillari jerġgħu jingħataw it-titlu tal-professjoni tagħhom, bħal pereżempju, Fiżjoterapisti, Occupational Therapists, eċċ. Niżviluppaw qafas legali li jaħseb għar-rwoli anċillari fil-professjoni tas-saħħa u n-nursing.
5. Nagħmlu ftehimiet mal-għaqdiet volontarji, partikolarment dawk fis-saħħa mentali u fil-qasam tal-kura fil-komunità, biex nappoġġjaw ix-xogħol li jagħmlu u nsostnu xogħolhom b’mod attiv. Niżguraw li l-istandards jinżammu, mingħajr l-ebda interferenza jew indħil fl-awtonomija tal-NGOs infushom.
6. Infasslu ftehim kollaborattiv mas-settur privat, sptarijiet, kliniċi, prattiċi privati u anke koperattivi, biex innaqqsu l-istennija u nħaffu l-piż minn fuq is-servizz pubbliku tas-saħħa.
7. Nibdew programm ta’ tkabbir u tisbiħ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċimiterji oħrajn biex niżguraw li dawn il-postijiet ikollhom id-dinjità u r-rispett li jixirqilhom. Nonoraw kull konvenju fuq l-oqbra bil-prezz oriġinali ta’ €5,000, u noħorġu offerti biex niżguraw il-manutenzjoni xierqa taċ-ċimiterji kollha.
Stil ta’ ħajja b’saħħitha
1. Inniżżlu l-livell tal-obeżità fuq medda ta’ 10 snin għal dak li hu medju fl-Ewropa, b’miri ċari għal kull perjodu. L-obeżità fost il-Maltin qed dejjem tikber. Nafu li l-obeżità tikkaġuna u taggrava ħafna tipi ta’ mard. Nibdew programm nazzjonali bl-involviment tal-partijiet kollha interessati biex nindirizzaw l-obeżità b’mod effettiv. Dan il-programm ikun ċar u b’miri li jistgħu jintlaħqu, u jkun jinkludi l-iskejjel, il-kunsilli lokali, id-djar tal-anzjani, kif ukoll is-settur privat u dak pubbliku tas-saħħa. L-għan aħħari jkun li nnaqqsu l-piż żejjed u ntejbu s-saħħa tagħna bħala poplu.
Kura tas-saħħa eqreb lejk
1. Inkabbru s-servizz pubbliku tal-kura primarja bil-ftuħ ta’ ċentri tas-saħħa ġodda fit-Tramuntana u fiċ-ċentru ta’ Malta.
2. Nagħtu appoġġ lill-adulti li jagħżlu li jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom f’darhom, jew xi qarib anzjan, jew li jkun qed isofri minn xi kundizzjoni fiżika kronika, akuta jew mentali.
//= $special ?>