In-Nazzjon illum jagħti importanza lir-rapport li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea u li jagħti twiddiba serja lill-Prim Ministru Muscat dwar il-finanzi tal-Gvern Malti.
Stejjer oħrajn ewlenin jinkludu l-proposti li l-Partit Nazzjonalista ħabbar għas-settur finanzjarju, u s-sett ta’ proposti għas-settur tal-kultura.
Storja oħra ewlenija hi marbuta ma’ dikjarazzjoni li għamlet imprenditriċi Maltija, Claudine Cassar, li esprimiet id-diżappunt tagħha għat-tmexxija tal-Prim Ministru Muscat li erba’ snin ilu emmnitu u vvutatlu.
In-Nazzjon jippubblika ritratti li juru n-nirien qawwija li ħakmu l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsascala, liema dħaħen dehru mill-pajjiż kollu, inkluż minn Għawdex.
Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi politika tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Mario Schiavone u Sam Abela.
Bħal kull nhar ta’ Tlieta matul din il-kampanja elettorali, In-Nazzjon jagħti ħarsa bir-ritratti lejn it-tielet ġimgħa tal-kampanja, b’servizz speċjali fil-paġni tan-nofs.