Nhar l-Erbgha fl-Iżvezja se tintlagħab il-finali tal-Europa League bejn Ajax u Manchester United.
Ir-Red Devils kellhom staġun diffiċli fl-ewwel sena tagħhom taħt it-tmexxija tal-manager Jose Mourinho imma minbarra li jistgħu jirbħu dan l-unur jistgħu anke jikkwalifikaw għaċ-Champions League jekk jirbħu din it-tazza.
Wieħed jista’ jgħid li l-manager Portugiż ħa r-riskju u tefa’ l-attenzjoni kollha fuq din il-kompetizzjoni, anke jekk f’dan l-aħħar xahar Man Utd xorta waħda setgħu jissieltu għall-post fiċ-Champions League.
Mourinho għażel li jserraħ diversi plejers lejn tmiem il-kampjonat biex ikun jista’ jiffoka fuq il-finali.
Wieħed irid jgħid ukoll lif’dawn l-aħħar xhur Man Utd tilfu diversi plejers importanti (li mhux se jkunu disponibbli fil-finali) bħal ma huma Zlatan Ibrahimovic, Marcos Rojo, Luke Shaw u Ashley Young u Mourinho jemmen li dawn l-injuries waslu minħabba n-numru kbir ta’ partiti li kellhom jilagħbu Man Utd f’dawn l-aħħar ħames xhur.
F’kummenti li ta Mourinho jiem qabel il-finali qal,” “F’ħames xhur lagħbna daqs tim li jilgħab kampjonat sħiħ minn Awissu sa Mejju u ta’ dan pattejna qares għax spiċċajna b’ħafna plejers imweġġa’. Il-fatt li ġejna eliminati mill-FA Cup hu grazzja għax kieku kien ikollna problema akbar.”
L-istess Mourinho qal li l-avversarji tagħhom, Ajax lanqas biss għandhom ikunu fil-kompetizzjoni aħseb u ara kemm fil-finali.
Mourinho qal dan għax ma jaqbilx mal-fatt li t-timijiet li jispiċċaw fit-tielet post rispettiv tagħhom fiċ-Champions League jikkwalifikaw awtomatikament għall-fażi tan-knockout taċ-Champions League.
“Ajax huma tim li ġej miċ-Champions League u ma naqbilx li tim jilgħab f’żewġ kompetizzjonijiet Ewropej fl-istess staġun. Tim li jkun eliminat miċ-Champions League għandu jippakkja u jmur lura pajjiżu u mhux jingħata dritt li jikkompeti f’kompetizzjoni oħra.”
Minkejja li Mourinho għamel dan l-attakk fil-konfront ta’ Ajax hu faħħar it-tim li għandhom u qal li m’huwiex sorpriż bil-fatt li dawn waslu sal-finali għax għandhom tim bi plejers ta’ kwalità.
Ironikament Man Utd bdew l-avventura f’din il-kompetizzjoni b’logħba kontra tim Olandiż, dak ta’ Feyenoord u se jtemmuha b’logħba kontra tim ieħor Olandiż. Man Utd ma tantx impressjonaw sa issa f’din il-kompetizzjoni hekk kif rebħu biss tlieta minn seba’ partiti minn darhom filwaqt li f’Old Trafford rebħu sitt logħbiet minn sebgħa.
Minkejja dan kollu Mourinho, fl-ewwel sena tiegħu ma’ Man Utd diġà rebaħ iċ-Charity Shield u l-League Cup u issa se jkun qed jimmira li jirbaħ unur ieħor. Hu ma tantx jiżbalja fil-finali hekk kif minn 13 li lagħab fil-karriera tiegħu rebaħ 11 minnhom.
Minn naħa tagħhom Ajax diġà jafu li staġun ieħor se jkunu qed jilagħbu fiċ-Champions League wara li temmew fit-tieni post fil-kampjonat.
F’din il-kompetizzjoni huma brillaw f’darhom b’seba’ rebħiet minn daqstant partiti f’darhom imma ma tantx marru tajjeb kull meta ma lagħbux fl-Amsterdan Arena.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika jinnota li Ajax u Man Utd se jkunu qed jiltaqgħu għall-ħames darba kontra xulxin f’kompetizzjoni tal-UEFA. Minn erba’ konfronti s’issa huma rebħu tnejn kull wieħed. L-aktar konfront riċenti ta’ dawn it-tnejn kien fil-fażi tal-aħħar 32 tal-Europa League fl-istaġun 2011-12. Fl-ewwel leg gowls ta’ Ashley Young u Javier Hernandez iddeċidew il-konfront favur it-tim li dakinhar kien immexxi minn Alex Ferguson. Fit-tieni leg kienu Ajax li rebħu 2-1 imma xorta waħda sfaw eliminati.
F’dan l-istaġun Ajax skurjaw 24 gowl fl-Europa League, wieħed aktar minn Man Utd imma dawn tal-aħħar sofrew tmien gowls filwaqt li Ajax sofrew 15.
Ajax se jkunu qed jirbħu l-ewwel unur internazzjonali tagħhom f’dawn l-aħħar 22 sena filwaqt li Man Utd se jippruvaw jirbħu din it-tazza għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.
Ta’ min jinnota li għada l-preżentazzjoni tat-tazza wara l-partita se ssir fil-grawnd. Din hi waħda mir-riformi li għamel il-President il-ġdid tal-UEFA Aleksander Čeferin li laħaq minflok Michel Platini.
//= $special ?>