Kburi li l-Partit Nazzjonalista qed jersaq bi programm elettorali b’aktar minn 320 proposta li bih pajjiżna se jibda paġna ġdida. Il-pedament tal-programm elettorali hi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’Simon Busuttil bħala Prim Ministru jġib indafa fil-politika bil-pajjiż ikollu kontabbiltà, meritokrazija u trasparenza li l-poplu ilu jissielet għalihom għal dawn l-aħħar ebra’ snin.
Dan qalu Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN, li fisser ukoll kif Partit Nazzjonalista fil-Gvern ifisser li titwettaq ġustizzja anke billi jsiru l-investigazzjonijiet li hemm bżonn.
L-ewwel pass ikun li jinħatar Kummissarju tal-Pulizija li jara li l-pulizija jkunu kburin bl-uniformi li jridu jilbsu imma jara wkoll li jkun hemm l-investigazzjonijiet dwar il-każi ta’ korruzzjoni li wasslu lil Joseph Muscat isejjaħ elezzjoni sena qabel żmienha.
Se jkun hemm ukoll Maġistrat Investigattiv biex jara li jkun hemm l-investigazzjonijiet kollha li jkun hemm bżonn fil-każi ta’ korruzzjoni. Irid jintbagħat il-messaġġ li Gven Nazzjonalista ġdid se jagħmel l-affarijiet differenti minn Joseph Muscat iżda wkoll li jkun differenti billi jirranġa l-iżbalji li għamel fl-aħħar leġiżlatura li kien fil-Gvern.
Beppe Fenech Adami qal li trid titneħħa l-mentalità li kollox jgħaddi. Għalhekk ikun imdaħħal mill-ġdid il-kodiċi ta’ etika fost il-politika. Jerġgħu jogħlew l-istandards tal-politiċi li Joseph Muscat naqqas.
Simon Busuttil se jkun Prim Ministru li jgħolli l-istandards biex il-pubbliku jerġa’ jkollu l-fiduċja fil-politika u fil-pajjiż. Dak li għamel Joseph Muscat fl-aħħar erba’ snin mhux aċċettabbli li jerġa’ jiġri. Il-politika hi hemm biex il-politiċi jservu mhux jisservew.
Ma tistax tibqa’ tinstema’ l-għajta li fl-impjiegi mal-ministeri jkun hemm il-qraba tal-Ministru biex tħallew barra dawk li kien jimmerithom, qal Beppe Fenech Adami.
Meta jiġu biex jingħażlu n-nies fil-ministeru u l-korporazzjonijiet jintgħażlu n-nies kompetenti u li jkun ħaqqhom. Irid jiddaħħal il-kunċett li l-postijiet ta’ chairmen mhumiex rigali talli dehru fil-billboard jew talli taw għajnuna lill-partit bil-moħbi, imma għaliex huma persuni kompetenti u jistgħu jservi lill-pajjiż.
Irid ikun hawn politika ta’ finanzjament serja tal-partiti biex dawn verament ikunu jaqdu lill-poplu mhux jibbenefikaw lil min jgħinhom. Simon Busuttil se jibgħat messaġġ ċar li mill-ewwel ġurnata se jkun gvern serju nadif u lest biex iservi.
Beppe Fenech Adami qal li t-tmexxija tal-PN li nħatret mill-Kunsill Ġenerali erba’ snin ilu, qed tirritorna lura lill-poplu partit organizzat u lest biex iservi. Issa jmiss lill-poplu jagħti l-appoġġ tiegħu għal politika serja.
//= $special ?>