Elezzjoni 2017

FILMATI: “Jekk hawn partit li jaħdem għal pajjiżna, dan hu l-Partit Nazzjonalista” – Kelliema tal-PN waqt il-Kunsill Ġenerali

“Il-Forza Nazzjonali li twieldet hi messaġġ ċar ta’ bidu ġdid għall-politika lokali. Forza Nazzjonali li trid tiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi,” stqarret is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

 

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ approva l-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali bit-titlu: ‘Jien Nagħżel Malta’

Il-programm elettorali li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista hu prova ċara ta’ kemm id-djalogu li wettaq fl-aħħar snin irid iwassal għal bidla għall-aħjar fil-ħajja ta’ kuljum għall-poplu Malti u Għawdxi. Dan ddikjaratu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake, li fissret il-program elettorali tal-Partit Nazzjonalista bħala frott partit li għall-aħħar snin iltaqa’ man-nies u ħejja l-proposti li xtaq il-poplu stess.

Meta  tkellmet fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali tal-PN u tkellmet dwar il-Programm Elettorali, Rosette Thake fissret li fost dawk li se jintlaqtu b’mod tajjeb hemm il-ħaddiema, il-professjonisti, il-vittmi ta’ abbużi differenti fosthom dawk li jsofru mill-vjolenza domestika, l-ambjent, l-ekonomija, sistema ta’ trasport moderna u kura għal kundizzjonijiet mediċi differenti.

“Ħsibna f’kull dettall,” iddikjarat is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, li kompliet li kien bid-djalogu li l-Partit Nazzjonalista llum qed jippreżenta soluzzjonijiet importanti, biex il-partit verament ikun jista’ jgħid, bil-provi mhux bil-kliem, li jagħżel lil Malta.

Tkellmet ukoll dwar id-dell ikrah li tefa’ fuq pajjiżna Joseph Muscat, kawża tal-korruzzjoni minn Kastilja, u qalet li ma’ kull ġurnata li tgħaddi rridu nistaqsu jekk għamilniex biżżejjed biex pajjiżna jitnaddaf mill-korruzjoni.

Qalet li “din kienet leġiżlatura fqira fejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat lanqas biss irnexxielu jtemm mandat elettorali ta’ ħames snin, u pajjiżna mhu se jiret xejn mill-aħħar leġiżlatura.”

“Jekk hawn partit li jaħdem għal pajjiżna, dan hu l-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil kapaċi jmexxi lil Malta b’onestà, għall-kuntrarju, Joseph Muscat tfixkel f’saqajh stess,” kompliet Rosette Thake.

“Il-Forza Nazzjonali li twieldet hi messaġġ ċar ta’ bidu ġdid għall-politika lokali. Forza Nazzjonali li trid tiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi,” stqarret is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Paula Mifsud Bonnici, President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjoanlista, introduċiet il-Kunsill Ġenerali u ddeskrivietu bħala wieħed straordinarju għaliex qed isir mill-inqas sena qabel iż-żmien.

Dan hu riżultat tad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li akkost ta’ kollox irid jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Biex jiddefendi ġildu, Joseph Muscat għażel li jsejjaħ elezzjoni ġenerali qabel iż-żmien, fittex l-interessi personali u issa anke qed jirrikorri għal iżjed skużi bl-aħħar waħda tkun dik li Vladimir Putin, il-President tar-Russja, qed jibgħat l-ispiji Russi fostna.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali qalet li anke jekk sena qabel, il-Partit Nazzjonalista hu lest b’dokumenti u proposti għal programm elettorali tal-Forza Nazzjonali fl-isem Jiena Nagħżel Malta.

Joseph Grech, Segretarju Ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partti Nazzjonalista (MŻPN), qal li pajjiżna reġa’ jinsab f’mument ta’ għażla, bejn il-korruzzjoni fil-qalba tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, u Forza Nazzjonali li qed tkompli tikber u tingħaqad wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Irrefera għall-entużjażmu taż-żgħażagħ, li wrew li jafu li l-għażla se tkun waħda dwar il-futur u l-karrieri tagħhom. Hu għalhekk li l-programm elettorali jinkludi wkoll manifest iffukat fuq iż-żgħażagħ, bi proposti konkreti li jinfluwenzaw il-ħajja taż-żgħażagħ.

Iddeskriva l-manifest bħala wieħed mimli proposti mħejjija miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ, rigward temi differenti li jolqtu direttament il-ħajja ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa.

“Iż-żgħażagħ iridu u għandhom bżonn proposti ddedikati għalihom, mhux retorika u paroli li ma jwasslu għal xejn. Konna l-vuċi tagħhom,” qal Joseph Grech. Dan mhux it-tmiem, imma l-bidu ta’ politika differenti u ġdida ffukata fuq il-bżonnijiet taż-żgħażagħ,” kompla Joseph Grech, li fakkar kif il-Partit Nazzjonalista nieda wkoll l-inizjattiva ‘Ideat’, fejn mhux biss iż-żgħażagħ imma wkoll il-poplu Malti u Għawdxi kollu jista’ jaqsam l-ideat tiegħu.

Iż-żgħażagħ iridu jgħixu f’pajjiż stabbli, fejn ma tistħix tgħid li int Malti, imma tkun kburi li int Malti. Għalhekk hemm bżonn tmexxija ta’ Simon Busuttil, biex inaddaf isem pajjiżna u pajjiżna jerġa’ jsir pajjiż normali.

L-Ewro Parlamentari Therese Comodini Cachia, qalet li l-mixja tal-aħħar snin kienet opportunità li l-Partit Nazzjonalista kellu bżonn u ried li jwettaq, biex jersaq qrib in-nies.

Din hi d-differenza ċara bejn il-partiti lokali, bil-Partit Nazzjonalista li kien qed iħejji programm elettorali għan-nies, waqt li Joseph Muscat u ta’ madwaru bdew jippruvaw ideffsu d-dubji dwar il-proposti biex b’hekk jgħattu n-nuqqasijiet tagħhom.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar mexa l-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar snin iltaqa’ ma’ kull min kellu xi ħaġa x’joffri. Fuq kollox, qalet kif matul din il-mixja l-Partit Nazzjonalista fehem xkien hemm bżonn f’diversi setturi fosthom dak tal-edukazzjoni, fejn il-programm elettorali jindirizza d-diffikultajiet tal-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi fil-livelli kollha.

Hu għalhekk li l-proposti tal-Forza Nazzjonali jindirizzaw diversi diffikultajiet li għal snin sħaħ ġew injorati iżda issa huma mwiegħda biex b’hekk il-ħajja taċ-ċittadini titjieb.

L-istess dwar dak li għandu x’jaqsmu mal-proposti għal diversi setturi oħra, fosthom is-settur tas-saħħa fejn ħafna li jsofru minn kundizzjonijiet diversi batew fis-skiet matul l-aħħar snin.

“Wara kull proposta f’dan il-programm elettorali, hemm il-prinċipju li nsaħħu l-fondazzjoni tas-soċjetà tagħna,” iddikjarat Therese Comodini Cachia, li kompliet li waqt li “l-klikka ta’ Joseph Muscat għamlet erba’ snin trekken il-miljuni, Simon Busuttil uża dawn is-snin jaħdem biex joħroġ il-proposti għalik.”

Simon Mizzi, il-Koordinatur tal-Manifest Elettorali għal Għawdex, qal li jħossu onorat li qed jippreżenta l-impenn tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex. Dan l-impenn se jara li Għawdex ikun gżira reġjun u dan ikun imniżżel fil-Kostituzzjoni. Impenn ukoll li jwieżen lin-negozjant mhux jeħodlu l-għodda li jrid jaħdem bihom.

Impenn li jfassal ġejjieni għal dak li hu kultura kif ukoll ta’ appoġġ għall-bdiewa u r-raħħala Għawdxin. Se jkun ukoll impenn li jindokra l-bżonnijiet ta’ kulħadd u jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura. Impenn li jrodd is-serħan tal-moħħ fis-settur tas-saħħa lura lil Għawdex.

Għal Għawdex ma nfittix biss dak li hu vijabbli imma dak li għandu bżonn, qal Simon Mizzi li kkonkluda billi qal li se nkunu qed nagħmlu dak li hu għalina u għal uliedna.