Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżeta sett ta’ proposti li jikkonfermaw kif l-ambjent hu priorità kemm-il darba l-poplu jafda lil Gvern Nazzjonalista fit-tmexxija tal-pajjiż.
Wegħda ewlenija tkun li postijiet barra miż-żona tal-iżvilupp ma jinbnewx, u allura l-poplu Malti u Għawdxi għandu garanzija li taħt Gvern Nazzjonalista ż-Żonqor ma jinbeniex u jingħata lura lill-poplu.
Jiġu protetti wkoll il-widien, fosthom Wied Għomor li matul l-aħħar snin kien taħt theddida mill-iżvilupp. Il-Partit Nazzjonalista lest jidħol f’diskussjonijiet mas-sidien tal-artijiet biex dawn jingħataw kumpens xieraq imma l-wied jissalva u jkun riabilitat.
Il-Partit Nazzjonalista jagħti r-rikonoxximent u ħarsien kostituzzjonali lill-ambjent bix jitpoġġa fil-qalba tal-ħidma tal-Gvern u jkun marbut li jipproteġih. Titfassal ukoll strateġija nazzjonali, Aġenda 2050, biex tingħata ħarsa fit-tul u sett ta’ miżuri li jridu jiġu mplimentati fuq programm fit-tul u b’viżjoni ċara.
Titwaqqaf ukoll struttura ġdida, NaturaMalta, għall-immaniġġjar ta’ siti naturali u parks nazzjonali, biex dawn mhux biss jiġu mħarsa imma wkoll immaniġġjati u b’hekk ma jaqgħux fi stat ta’ abbandun.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara wkoll li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna jbda jqis lill-ambjent bħala xi ħaġa tajba għall-ekonomija, u mhux bħala ostaklu. L-iżvilupp jista’ jsir u jikkumplimenta lill-ambjent, mhux jeqirdu.
Tiġi ndirizzata wkoll il-problema tal-istorbju, tniġġiż li jdejjaq lil ħafna iżda fl-aħħar snin ma ngħatax importanza u ma ħarġet l-ebda soluzzjoni għalih. Dan billi jkun hemm regolamentazzjoni u fuq kollox jitwaqqaf bord speċjalizzat biex titnaqqas il-burokrazija u l-poplu jkun jista’ jressaq l-ilmenti tiegħu b’mod iktar faċli.
Dan filwaqt li jsiru kontrolli fuq l-iskart immaniġġjat mill-fish farms, u dawn jiġu rilokati ‘l barra mill-kosta. Jtwaqqaf ukoll eko-mużew f’qiegħ il-baħar biex b’hekk jattira iżjed ħajja fil-baħar, kif ukoll ikun attirat turiżmu mill-għaddasa. Ma jitħalliex lanqas li ssir riklamazzjoni ta’ żoni fil-baħar għal skop ta’ spekulazzjoni,
Proposta importanti oħra hi li l-awtoritajiet tal-ambjent jingħataw awtonomija, biex b’hekk ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet mingħajr indħil politiku. Dan japplika kemm għall-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Irid ikun hemm ukoll ħarsien tal-iskyline ta’ pajjiżna, billi jkun hemm pjan nazzjonali dwar il-binjiet għolja (highrise) għaliex l-iskyline hi parti mill-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt jitfassal ukoll pjan strateġiku għall-ambjent u żvilupp ġdid biex jinbidel dak attwali, li ddaħħal bl-għaġġla mill-Gvern Laburista.
Fuq kollox, jitneħħa l-poter li Prim Ministru jieħu deċiżjoni waħdu f’kamra f’Kastilja biex jaqbad u jagħti biċċa art tal-poplu lil xi investitur, sew jekk Malti jew barrani. Deċiżjonijiet simili jridu jittieħdu b’kunsens ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Dawn huma biss uħud mill-proposti favur l-ambjent li qed jorbot lilu nnifsu bihom il-Partit Nazzjonalista. Iżjed proposti favur l-ambjent mistennija jkunu approvati bħala parti minn programm elettorali li għandu jiġi approvat illejla, matul il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>