“Fit-3 ta’ Ġunju, jien, flimkien mal-familja tiegħi, se nivvota favur bidla għaliex jien irrid gżira li mhux tagħlaq għajn waħda jew tnejn għal dak li hu sfaċċatament ħażin sempliċement għax għandna iktar flus fil-but”. Stqarrija ċara mill-imprenditur Winston Zahra li fuq Facebook ikkummenta li l-vot tiegħu u tal-familja tiegħu hu bbażat fuq turija ta’ appoġġ sħiħ lejn prinċipji u morali sodi li għandna nkunu kburin li nħaddnu bħala poplu.
F’post fuq Facebook, Winston Zahra qal li din l-elezzjoni mhux dwar Partit Laburista jew Partit Nazzjonalista u lanqas m’hi dwar Joseph Muscat jew Simon Busuttil. “Din l-elezzjoni se tkun qed issawwarna bħala pajjiż u l-impatt tagħha hu simili ta’ dawk l-elezzjonijiet meta vvutajna favur l-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea”.
Qal li l-impatt ekonomiku ta’ din l-elezzjoni aktarx ikun ikbar hekk kif l-industrija tas-servizzi finanzjarji sfat serjament kompromessa u bil-possibilta’ li jkun hemm effetti negattivi fuq setturi oħrajn fosthom is-settur tal-propjeta’, ir-retail, il-marittimu u l-ospitalita’.
Fuq kollox, tenna l-eks President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti, id-deċiżjoni kollettiva tat-3 ta’ Ġunju hi dwar x’tip ta’ fibra morali għandna bħala poplu. “Aħna nazzjon ta’ prinċipju u ta’ sinsla jew sirna nazzjon li npoġġu l-flus, ir-regħba u l-kompromessi qabel kollox?”, staqsa Zahra.
Kompla li l-korruzzjoni fost il-klassi politika għandha tkun imwieġba b’tolleranza zero mill-poplu Malti kollu. M’għandna qatt naċċettawha, la issa u lanqas fil-futur, irrispettivament mit-twemmin politiku.
Jekk inħallu l-affarijiet għaddejjin, inkunu qed nibagħtu messaġġ li l-valuri demokratiċi tagħna m’għandhom l-ebda valur , qal Winston Zahra.
Erba’ snin ilu, il-pajjiż kien imwiegħed għaqda u meritokrazija, u li tinqered il-korruzzjoni. Kompla li hu ta’ dieqa li r-reputazzjoni kollettiva tagħna spiċċat imħammġa u li nħliet opportunita’ tad-deheb biex nirranġaw il-pajjiż. “Kull min m’għandux għamad politiku u għandu moħħu miftuħ, jista’ jasal biss għal konklużjoni waħda.”
“Waqt ir-referendum għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jiena weġibt għall-okkażjoni u fissirt il-ħsibijiet tiegħi b’mod pubbliku. Wara riflessjoni twila, iddeċidejt li għal darb’oħra infisser il-pożizzjoni tiegħi ċara, mingħajr riżerva jew apoloġija,” temm Winston Zahra.
//= $special ?>