Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Għażla għall-futur ta’ pajjiżna” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil – approvat il-programm elettorali

Ara l-programm elettorali hawnhekk.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal meta ppreżenta l-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali, li vot fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju favur il-Forza Nazzjoanli hu għażla għall-futur ta’ pajjiżna.

Meta indirizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li approva l-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali, Simon Busuttil spjega li Programm Elettorali hu mument partikolari għaliex hu l-aħħar mument qabel ma partit imur għall-ġudizzju tan-nies. Iħossu kburi li sejjer għal dan il-ġudizzju b’dan il-programm elettorali tal-Forza Nazzjonali.

Simon Busuttil qal li l-messaġġ li qed jasal għand in-nies hu li mill-4 ta’ Ġunju, il-poplu se jserraħ rasu għaliex ikun hawn livell ta’ normalità mhux skandlu ġurnata wara oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aħħar waħda li ħareġ biha l-Prim Ministru hi dik li wara l-istorja ta’ Egrant kien hemm is-servizzi sigrieti Russi jew il-President Russu. Sa ftit ilu Muscat kien jgħid li kien hu wara din l-istorja, imma issa bidel il-verzjoni u qed jgħid li hemm ir-Russja.

Il-livell ta’ ridikolaġni li waqa’ fih il-Prim Ministru hu inkredibbli. Hemm diversi livelli ta’ kif wieħed iħares lejn min ikompli jagħmel żball wieħed wara l-ieħor. Issa wasalna fl-istadju li fih il-poplu qed jiddieħaq bih u wasal biex jitwarrab.

Il-Prim Ministru seta’ faċilment stenna r-riżultat tal-inkjesta maġisterjali, imbagħad isejjaħ elezzjoni. Joseph Muscat kien jaf li l-inkjesta se ddum ma titlesta u għalhekk sejjaħ elezzjoni. Hu diffiċli li inkjetsa bħal din titlesta fi żmien qasir. Hemm persuna li rat id-dokumenti. Hemm rapporti tal-FIAU. Hemm ukoll il-fatt li Joseph Muscat ċaħad dak li hu ċar bil-gideb.

Simon Busuttil fakkar dak li ddikjara l-Maġistrat li l-investigazzjoni dwar Egrant hi kumplessa u ma tistax titlesta fi żmien qasir. Hu ovvju li jridu jsiru investigazzjonijiet anke barra minn Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni biex jipprova jiżgiċċa. Issa l-poplu għandu jagħmilha ċerta li Joseph Muscat ma jiżgiċċax. Il-poplu għandu jurih biċ-ċar li issa daqshekk. Bil-provi mressqa, dak li wettaq Keith Schembri wassal biex issa hemm żewġ Maġistrati li jridu jinvestigawh.
Il-Kap Nazzjonalista qal li fi kwalunkwe pajjiż ieħor, kieku seħħew l-istess affarijiet ma kienx jibqa’ fil-poter. Kien jitwarrab iċ-Chief of Staff kif ukoll il-Prim Ministru. Ladarba ma għandhomx id-diċenza li jwarrbu huma, allura issa se jkun il-poplu Malti li jgħidilhom biex iwarrbu.

Simon Busuttil qal li laqgħa mar-rappreżentanti tas-servizzi finanzjarji wriet it-tensjoni li teżisti f’dan is-settur. Messaġġ li ttieħed minn din il-laqgħa hu li Joseph Muscat ma għandux il-kredibbiltà li jnaddaf isem pajjiżna. Ladarba ħammeġ isem Malta hu ma jistax inaddfu hu.

Simon Busuttil qal li fost l-ewwel azzjonijiet li jieħu, jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu, hu li fix-xahar ta’ Ġunju, fl-istess xahar li tiġi fi tmiemha l-presidenza ta’ Malta tal-UE hu jmur Brussell u jnaddaf isem Malta. Juri lill-pajjiżi Ewropej fil-Kunsill tal-Ewropa li l-poplu għażel li jibdel il-paġna u jnaddaf isem Malta u ma jħalli qatt aktar li jitħammeġ.

Simon Busuttil qal li messaġġ ieħor importanti hu li jekk ifalli s-settur tas-servizzi finazjarji jaqgħu s-setturi l-oħra kollha. Jaqa’ s-settur tal-gaming, tal-informatika, tal-propjetà kif ukoll setturi oħra bħalma huma n-negozji. L-unika soluzzjoni biex ikunu salvati dawn is-setturi hu li jkun hemm fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin wera kemm hu lest jiftaħ il-bibien u jaħdem ma’ ħaddieħor. Dan wassal biex ġiet iffurmata l-Forza Nazzjonali li qed tippreżenta programm elettorali.

Il-programm elettorali hu ffurmat minn diversi dokumenti. Dan hu l-ewwel darba li partit politiku ppreżenta programmi elettorali separati għal setturi differenti. Minbarra l-programm elettorali ewlieni hemm ukoll programm elettorali għal Għawdex u programm ieħor għaż-Żgħażagh. B’kollox dawn fihom aktar minn 500 proposta.

F’ħarsa ħafifa lejn uħud mill-proposti li l-aktar huma għal qalbu, Simon Busuttil semma bħala l-ewwel proposta t-tindifa fil-politika. Semma wkoll il-ħolqien ta’ 30,000 impjieg ta’ kwalità; tnaqqis ta’ taxxa għal 10 fil-mija lin-negozji ż-żgħar u self employed; tnaqqis fit-taxxa lil ħaddiema li jaqilgħu inqas minn €20,000 fis-sena. Din hi politika li taqdi lin-nies mhux politika li n-nies jaqdu lill-politiku. Minn din il-miżura se jgawdu aktar minn 120,000 ħaddiem.

Proposta oħra hi li tpoġġi l-ambjent fil-qalba tal-politika billi jkun fil-qalba tan-nies. Jingħataw iż-Żonqor u l-White Rocks lura lill-poplu Malti. Se jkun indirizzat it-trasport, b’introduzzjoni ta’ sistema ta’ metro biex il-pubbliku jkun inkoraġġit juża t-trasport pubbliku.

Simon Busuttil qal li hekk kif jinbidel il-Gvern il-prezz tal-petrol u d-diesel jitnaqqas b’5 ċenteżmi l-litru u jinżamm taħt il-prezz medju tal-UE.

Aktar proposti huma s-servizz ta’ child care b’xejn għal kulħadd. Hemm ukoll proposti indirizzati lejn l-anzjani u persuni b’diżabbiltà li jingħataw mediċini b’xejn. L-anzjani jingħataw ukoll żieda sostanzjali fil-pensjoni tagħhom, bil-pensjoni minima nazzjonali tlaħħaq mal-paga minima nazzjonali.

Dan kollu juri li l-PN hu verament il-partit qalbu marbuta man-nies. Simon Busuttil qal li min ħaseb li kien se jsib lill-PN mhux preparat, għarralu u sab partit deċiż u preparat.

Il-Kap Nazzjonalista xebbaħ il-mixja politika f’dawn l-aħħar erba’ snin ma’ ġirja f’maratona fejn minkejja d-diffikultajiet wieħed jibqa’ jirsisti, jegħleb kull intopp, javviċina lil ta’ quddiemu u jgħaddih.

Din issa saret storja ta’ pajjiż li fl-aħħar erba’ snin kien f’maratona miexi lejn il-futur tiegħu. Sab Gvern li ħoloqlu kull ostaklu. Issa l-poplu qed jara li fit-3 ta’ Ġunju l-għażla mhix bejn żewġ kapijiet, jew bejn żewġ partiti jew bejn kuluri politiċi differenti. Hi għażla favur il-pajjiż.

Simon Busuttil temm jisħaq li din hi għażla importanti li ma jistax jinħela ħin fiha. Hi għażla li ssir bis-saħħa u b’determinazzjoni fejn il-poplu se jgħajjat “Jiena nagħżel Malta.”

 

Ara l-programm elettorali hawnhekk.