Futbol Sport

Manchester Utd jirbħu l-Europa League

Pogba (ritratt) fetaħ l-iskor fl-ewwel taqsima

Fl-Iżvezja, Manchester United rebħu t-tielet unur tagħhom dan l-istaġun meta fil-finali tal-Europa League għelbu lil Ajax bi skor ta’ 2-0. Grazzi għal dan is-suċċess ukoll Man Utd ikkwalifikaw għaċ-Champions League anke jekk dawn spiċċaw fis-sitt post fil-Premiership.

It-tim immexxi minn Jose Mourinho qatt ma kien f’periklu kontra t-tim żagħżugħ ta’ Ajax u skurja l-gowls fl-aktar mumenti kruċjali tal-partita.

Il-logħba kienet waħda kwieta u kienu Ajax li ħolqu l-ewwel periklu meta l-gowlkiper ta’ Man Utd Romero salva xutt ta’ Traore. Madankollu minn hawn ‘il quddiem kienu Man Utd li ddominaw u fetħu l-iskor żewġ minuti wara. Il-midfielder Paul POGBA kien ferm iffortunat meta ra x-xutt tiegħu jkun devjat minn Riedewald qabel spiċċa fix-xibka għal 1-0. L-iskor baqa’ hekk sa tmiem l-ewwel taqsima u Man Utd lagħbu eżattament il-logħba tipika li jadotta l-kowċ tagħhom Mourinho billi ddefendew tajjeb u operaw bil-kontra attakk.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Man Utd skurjaw ieħor, din id-darba meta minn azzjoni ta’ corner Smalling waqqa’ ballun bir-ras lejn Henrikh MKHITARYAN li minkejja li kien daharu lejn il-lasta skurja xorta waħda biex issiġilla l-konfront.

Fi tmiem il-logħba l-plejers ta’ Man Utd kienu ippreżentati bit-tazza fil-grawnd minflok fl-istands. Din hi waħda mir-riformi li għamel il-President il-ġdid tal-UEFA Aleksander Ceferin li laħaq minflok Michel Platini.

Grazzi għal dan is-suċċess Man Utd ingħaqdu ma’ Ajax, Bayern Munich, Chelsea u Juventus bħala wieħed mill-ftit klabbs li rebaħ kull unur tal-UEFA. Dan kien it-tielet unur għar-Red Devils dan l-istaġun. Huma kienu bdew l-istaġun billi rebħu l-Community Shield meta dakinhar għelbu lil Leicester u fi Frar li għadda rebħu l-League Cup meta rebħu kontra Southampton.

Wieħed jista’ jgħid li minkejja li ma tantx marru tajjeb fil-kampjonat, Man Utd kellhom staġun ferm pożittiv taħt it-tmexxija ta’ Mourinho li fl-ewwel sena tiegħu magħhom għen lill-klabb jirritorna għas-suċċess fl-Ewropa. Ta’ min jinnota li minn 14-il finali li lagħab Mourinho matul il-karriera tiegħu issa rebaħ 12.

Minn naħa tagħhom Ajax ġew imċaħħda milli jirbħu unur internazzjonali għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 22 sena.