Elezzjoni 2017 Lokali

Muscat jirtira mill-Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Awtorita’ tax-Xandir – għadu ma weġibx għal diversi stediniet

Ritratt: Times of Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jirtira mill-konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mix-xandiriet politiċi mtella’ mill-Awtorita’ tax-Xandir. Minflok, Muscat għażel li jibgħat lill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis minfloku għall-konferenza stampa li se tixxandar illejla.

Din hija l-ewwel darba li Prim Ministru għażel li ma jieħux sehem fi programm ta’ din l-iskeda f’kampanja elettorali. Il-konferenza stampa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ixxandret it-Tnejn.

 

Il-ġurnal The Malta Independent jgħid li l-Prim Ministru, li jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni maġisterjali u tnejn oħra fuq iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, għażel li jibgħat wieħed mill-alleati tiegħu biex jiffaċċja l-ġurnalisti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet tkun rekordjata waranofsinhar biex tixxandar iktar tard illejla u fiha kienu se jieħdu sehem ġurnalisti minn The Malta Independent, PBS, RTK, Il-Mument u Net News

The Malta Independent tirrapporta li Muscat ilu jirrifjuta intervisti mal-media indipendenti fosthom għall-programm INDEPTH fi Frar li għadda kif ukoll f’dawn l-aħħar jiem hekk kif ninsabu f’kampanja elettorali. Hekk kif għad fadal 9 ijiem għat-tmiem tal-kampanja, sa issa għadu ma weġibx għall-istedina.

Hu naqas ukoll milli jwieġeb għal stedina biex jipparteċipa f’dibattitu bejn il-mexxejja organizzat mill-ġurnali The Times, The Malta Independent u MaltaToday. Min-naħa l-oħra. Simon Busuttil aċċetta kemm għal dan id-dibattitu kif ukoll għal intervisti individwali mal-ġurnali rispettivi.