Elezzjoni 2017

“Muscat ma ħasadx lill-PN bl-elezzjoni sena qabel għax sabu lest biex jirrispondi fl-interess tal-poplu kollu” – Mario De Marco

Mario De Marco, viċi kap tal-Partit Nazzjonalista waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista
Il-Kunsill Ġenerali bħala wieħed straordinarju bħalma hi straordinarja s-sejħa għall-elezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan li l-għan ewlieni tiegħu fil-gvern hu li jsalva isem Malta wara l-ħsara li għamillu Joseph Muscat.

Dan iddikjarah il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN li approva l-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju.

Mario de Marco fisser il-Kunsill Ġenerali bħala wieħed straordinarju bħalma hi straordinarja s-sejħa għall-elezzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest biex jirrispondi fl-interess tal-poplu kollu. Dan hu l-Partit Nazzjonalist għax li tkun nazzjonalist ifisser li tħobb lil pajjiżek, tfisser li tagħżel Malta.

Ħadd ma kien jistenna li l-pajjiż se jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni llum. Imma matul l-erba’ snin li għaddew il-PN ħadem kontinwament u nieda numru ta’ dokumenti dwar oqsma importanti fil-ħajja tal-poplu. Meta Joseph Muscat waqa’ taħt il-piż tal-korruzzjoni, il-PN kien lest b’mijiet ta’ proposti. Minflok ħasad lill-PN, Joseph Muscat sab proposti waħda wara l-oħra li qatgħulu nifsu.

Mario de Marco qal li settur importanti hu dak tal-ekonomija, settur li fih il-PN fil-Gvern dejjem wettaq politika li minbarra saħħet l-ekonomija, wettqet ukoll ġustizzja soċjali.

Joseph Muscat ftaħar kemm kibret l-ekonomija. Imma ftaħar bil-figuri meta fil-fatt it-tkabbir ma kienx qed jasal għand kulħadd imma għand il-ftit. Il-pensjonati baqgħu fil-bżonn. Il-ħaddiema ma kinux qed ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum. Ħadd ma għandu jaħseb li kellna ekonomija li kienet qed tilħaq lil kulħadd. Kienet biss ekonomija tan-numru biex Joseph Muscat ikun jista’ jiftaħar bl-istatistika.

Din mhix se tkun l-ekonomija ta’ Gvern Nazzjonalista. L-għan ta’ Gven immexxi mill-PN hu li l-bniedem jerġa’ jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika.

Mario de Marco li l-viżjoni tal-PN hi li toħloq 30,000 impjieg ta’ kwalità. Jinżammu l-finanzi tal-Gvern b’mod sostenibbli. L-ekonomija tikber u l-ġid jgħin fit-tkabbir tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu.

Tinħass urġenza li tissewwa l-ħsara li Joseph Muscat għamel għar-reputazzjoni tal-pajjiż. Din ir-reputazzjoni bnewha l-ħaddiema u l-imprendituri imma l-ħsara saret minn Muscat u l-klikka ta’ Kastilja ta’ madwaru.

Jekk il-mazzra ta’ Muscat se tniżżel lilu, il-PN mhux se jħalli li din tniżżel ukoll lill-pajjiż. Filwaqt li se jissaħħu s-setturi li qed isostnu l-ekonomija, Gvern imexxi minn Simon Busuttil se jikkonsulta mal-esperti fis-settur biex jittieħdu d-deċiżjonijiet li jsostnu l-ġid.

Waħda mill-prioritajiet, saħaq il-Viċi Kap tal-PN, se tkun is-settur tas-servizzi finanzjarji. Dan hu settur li joħloq ġid lil ħafna nies oħrajn mhux lil dawk biss li jaħdmu direttament fis-settur.

Mario de Marco saħaq li r-reputazzjoni ta’ dan is-settur ma tistax tkun salvata minn Prim Ministru li jinsab taħt investigazzjoni kriminali, imma minn Simon Busuttil li hu determinat li jdaħħal politika nadifa.

Hemm setturi oħra interessanti u importanti bħalma hi l-Air Malta. Il-PN se jsib is-soluzzjonijiet li hemm bżonn u mhux se jaħli ż-żmien kif għamel il-Gvern ta’ Joseph Muscat li nnegozja ma’ kumpanija f’xifer falliment.

Ikkritika wkoll lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li naqas bil-kbir fil-ħolqien ta’ setturi ġodda. Is-setturi eżistenti huma kollha dawk maħluqa minn gvernijiet nazzjonalisti. Bl-istess impenn bħal qabel, Gvern immexxi mill-PN se jaħdem u jattira setturi oħra ġodda. Se jkun hemm ukoll appoġġ għan-negozji ż-żgħar b’għajnuniet ta’ tnaqqis ta’ taxxi u għajnuniet oħra finanzjarji.

Mhux l-inqas, fisser Mario de Marco, hemm ukoll is-settur tat-turiżmu li se jkun sostnut kif dejjem għamlu gvernijiet nazzjonalisti.