Żewġ aħbarijiet ewlenin jiddominaw l-ewwel faċċata tal-ġurnal In-Nazzjon u li huma marbuta ma’ żewġ inkjesti maġisterjali marbuta mal-investigazzjonijiet dwar il-Prim Ministru Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri. Dawn iż-żewġ żviluppi b’rabta mal-inkjesti li għaddejjin, kienu żvelati lbieraħ filgħaxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, li qal li l-inkjesta dwar il-kumpanija sigrieta Egrant hi kumplikata u mhux se tkun konkluża qabel l-elezzjoni.
Tkellem ukoll dwar inkjesta kriminali oħra dwar Keith Schembri. Aħbar oħra f’In-Nazzjon tittratta dak li qed jgħidu Mossack Fonseca dwar l-iskandli li qed jiġu żvelati f’Malta.
In-Nazzjon tagħti wkoll ħarsa dettaljata tal-proposti li ħabbar il-Partit Nazzjonalista dwar is-settur tas-saħħa. Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi ta’ Josie Muscat, David Casa, Mark Anthony Sammut u Justin Schembri.
Mill-aħbarijiet ta’ barra, In-Nazzjon tirrapporta fid-dettall l-attakk terroristiku f’Manchester.