Bastiment tal-gwerra tal-Istati Uniti għadda qrib ħafna ta’ gżira artifiċjali li bniet iċ-Ċina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar – b’din l-azzjoni titqies bħala ‘l-ewwel sfida ċara’ għall-jeddijiet territorjali ta’ Beijing f’din iz-zona mindu l-President Amerikan Donald Trump ħa l-poter fil-White House.
Skont is-sorsi, dan il-bastiment – il-USS Dewey – għadda sa 12 il-mil nawtiku ‘il hinn mill-gżira mlaqqma Mischief Reef. Dan waqt li ċ-Ċina qalet li l-bastiment daħal fl-ibħra polemikużi ‘mingħajr il-permess ta’ Beijing’ u fejn kien ‘imwissi biex jitlaq’ mill-qawwiet tal-baħar Ċiniżi.
L-Istati Uniti, sadanittant, tinsisti li tista’ tgħaddi u twettaq il-manuvri fi kwalunkwe ibħra internazzjonali.
Filwaqt li l-Amerikani qed jgħidu li ‘ma jżommux ma’ naħa kontra oħra’ fit-tilwim dwar territorji, l-Istati Uniti, fil-passat, bagħtet kemm il-darba bastimenti u ajruplani militari lejn l-inħawi qrib ta’ gżejjer polemikużi. L-Istati Uniti tfisser dawn l-attivitajiet bħala ‘eżerċizzji għal navigazzjoni ħielsa’ li jippermettu l-aċċessi għal rotot importanti tal-ajru u għall-vapuri.
Intant, Washington kemm il-darba jikkritika dak li jqis bħala sforzi minn Beijing biex jillimita n-navigazzjoni ħielsa fiz-zona strateġika tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.
//= $special ?>


