“Nistiedinkom taraw il-proposti kollha li hemm fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista – b’żewġ programmi oħra speċifikament fuq Għawdex u għaż-żgħażagħ” – kien dan il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta indirizza l-folla numeruża f’Ħal Lija.
Il-Forza Nazzjonali ppreżentat programm elettorali ta’ aktar minn 500 proposta iżda dik ewlenija hija li titnaddaf is-sistema politika mill-qiegħ.
Simon Busutti semma’ kif l-Ambaxxata Russa illum ċaħdet kategorikament dak li qal Joseph Muscat ilbieraħ meta waqa’ f’livell assurd u prużuntuż u qal li l-istorja ta’ Egrant kienet ġiet ivvintata mill-Kremlin.
Bl-istess mod, qal Simon Busuttil, ll-Partit Laburista qiegħed jaqa’ f’livell redikolu fir-raba’ Distrett fejn Chris Fearne u Konrad Mizzi qed jaqaw f’saqajn xulxin biex jaraw kif se jixtru l-voti billi jagħtu rigali lill-kostitwenti tagħhom. Simon Busuttil qal li dawn il-Ministri Laburisti imissjhom jittrattaw lin-nies aħjar minn hekk.
Proposti konkreti għan-nies
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minn mindu ġie approvat il-programm elettorali tal-Forza Nazzjonali fil-Kunsill Ġenerali, kien hemm rispons tajjeb ħafna min-nies. Huwa qal li l-500 proposta konkreta li qed jitressqu f’dan il-programm elettorali juru kemm il-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat tajjeb.
Simon Busuttil qal li l-ewwel ħaġa li jagħmel Gvern ġdid Nazzjonalista hija li jibda jnaddaf is-sistema politika bis-serjetà. Huwa qal li fost affarijiet oħra huwa se jaħtar Kummissarju tal-Pulizija serju u tassew awtonomu sabiex ikollu l-libertà kollha biex jinvestiga l-każi kollha ta’ korruzzjoni.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll 30,000 impjieg ta’ kwalità mas-settur privat. Huwa qal li l-kelma mportanti f’din il-proposta hija ‘kwalità’ għaliex dawn se jkunu marbuta ma’ setturi importanti b’kundizzjonjiiet u pagi tajbin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid ikun partit ambizzjuż biex fuq gżira żgħira ta’ nofs miljun joħloq setturi ekonomiċi ġodda u nnovattivi. Iżda, huwa kompla li bħal ma’ rnexxa bis-setturi tal-avjazzjoni, tal-gaming, u tas-servizzi finanzjarji fost l-oħrajn, issa se jirnexxi wkoll b’setturi ġodda bħall-FinTech u d-Digital Media.
Gvern ġdid Nazzjonalista, qal Simon Busuttil qiegħed jimpenja ruħu li joħloq settur ekonomiku wkoll mill-isport sabiex ikollna faċilitajiet ta’ livell għoli u li fl-istess ħin ikollna investiment, turiżmu, u innovazzjoni ġodda f’pajjiżna. Huwa qal li Gvern immexxi minnu qed jikkommetti ruħu li jressaq l-applikazzjoni biex Malta tospita is-Small Nations Games 2023, il-European Capital of Sport 2024 u il-Mediterrean Games 2025.
Gvern ġdid immexxi minnu se jkollu r-responsabbiltà illi minn hawn u sitt xhur oħra jkun ħejja kollox sabiex il-Belt Valletta tkun il-Belt Kapitali Ewropea, qal Simon Busuttil, u tenna li din se tkun okkażjoni li tgħamilna lkoll kburin b’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li proposta oħra li ġiet milqugħa tajjeb ħafna kienet li lil kull negozjant żgħir, li kull self-employed it-taxxa se tonqoslu għal 10% fuq l-ewwel €50,000 dħul. Hekk ukoll, kompla Simon Busuttil, it-taxxa għall-ħaddiema li jaqilgħu sa €20,000 fis-sena se tinżel għal 10%. Huwa esprima d-diżappunt tiegħu li Joseph Muscat laqas ma’ dan it-tnaqqis importanti ma qabel, u qal li għal politika ġusta u li taħseb fiż-żgħir, l-uniku għażla hija l-Forza Nazzjonali.
Simon Busuttil qal li l-ambjent kien l-akbar vittma tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u tad-deals li għamel qabel l-elezzjoni li għaddiet. Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-idea li l-ekonomija u l-ambjent għandhom jikkompetu kontra xulxin, qal Simon Busutitl, anzi huwa qal li fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista dawn jimxu id f’id sabiex jitjiebu t-tnejn li huma għall-ġid ta’ kulħadd. Gvern ġdid Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, se jrodd lura lin-nies iż-Żonqor u l-White Rocks, u f’dan ta’ l-aħħar se joħloq park li jkun jista’ jitgawda mill-familji.
Viżjoni ġdida għat-trasport f’Malta
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni tat-traffiku llum saret waħda orribbli u tenna li sew taħt Gvern kif ukoll taħt ieħor din il-problema ma ġietx indirizzata kif imiss. Huwa qal li l-ispiża għat-traffiku issa qed taqbeż €270 miljun fis-sena li għaliha qed iħallas il-pajjiż kollu. Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza mill-ewwel din il-problema b’miżuri mmedjati, qal Simon Busutil, fejn fost pjanijiet konkreti se jagħti trasport b’xejn lill-istudenti li jmorru skejjel tal-Knisja u indipendenti u jitneħħew mit-toroq eluf ta’ karozzi kuljum. Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista se jibda din is-sistema minn Ottubru li ġej.
Il-Partit Nazzjonalista jħares ukoll il-quddiem u diġà ppjana sistema ta’ trasport alternattiva permezz ta’ metro, qal Simon Busuttil. Huwa qal li Muscat ukoll ma ħax prożizzjoni ċara dwar din u qagħad minflok idawwar il-kliem. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-viżjoni u se jibda jaħdem fuq is-sistema tal-metro minnufih.
Miżura oħra ġusta, qal Simon Busuttil, hija li b’effett mix-xahar id-dieħel, il-prezz tal-petrol u d-diesel se jinżel b’5 ċenteżmi kull litru filwaqt li l-prezz se jibqa’ taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea għat-tul kollu tal-Gvern ġdid tal-Forza Nazzjonali. Simon Busuttil semma’ kif Muscat dalgħodu ħareġ jgħid li ma jaqbilx ma’ din l-idea, iżda meta kien ħabbar tnaqqis ta’ 2 centeżmi kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet bil-pompa kollha.
Għal Joseph Muscat, kull idea li joħroġ biha l-Partit Nazzjonalista fiha xi ħaġa ħażina, qal Simon Busuttil. Iżda huwa qal li l-Partit Nazzjoanlista ma jirraġunax hekk. Simon Busuttil semma’ li s-servizz taċ-childcare li daħħal il-Gvern ta’ Muscat kien pass tajjeb, u issa wasal iż-żmien li nagħmlu pass iehor u s-servizz ikun b’xejn għal kulħadd mhux biss għat-tfal tan-nisa li jaħdmu.
Politika b’ruħ soċjali
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Forza Nazzjonali qed tintrabat li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Huwa qal li l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fuq pensjoni se jingħataw il-mediċina kollha li jordnalhom it-tabib bla ħlas. Simon Busuttil qal li huwa kburi bir-ruħ soċjali tal-Partit Nazzjonalista, li l-politka tiegħu turi li huwa tassew il-partit tan-nies.
Gvern tal-Forza Nazzjonali se jġib ukoll riforma fil-pensjonijiet, qal Simon Busuttil, billi jgħolliehom għar-rata ġusta tal-paga minima nazzjonali, għaliex l-anzjani ħaqqhom l-aħjar wara li jkunu ħadmu ħajjithom kollha biex iħallulna l-pajjiż li għandna llum.
Wegħda oħra mportanti għall-Partit Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, hija li Gvern ġdid se jagħti l-kura tal-kimoterapija b’xejn għal kulħadd sabiex ħadd ma jkollu għalfejn imur jittallab biex jieħu dak li jixraqlu. Huwa qal li min għandu mard fil-familja, għandu biżżejjed diffikultajiet biex joqgħod jaħseb kif se jħallas għall-kura.
Simon Busuttil qal li apparti l-programm elettorali prinċipali b’321 proposta, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikteb l-istorja politka mill-ġdid meta qiegħed jippreżenta lill-poplu żewġ programmi oħra: wieħed iffukat fuq Għawdex u l-ieħor fuq iż-żgħażagħ.
Il-Kap ta-Partit Nazzjonalista qal li l-akbar proposta f’dan kollu hija li l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju se tkun deċiżjoni għall-ġejjieni ta’ Malta. Huwa qal li, bejn il-klikka ta’ Muscat u l-futur ta’ pajjiżna, in-nies ħa jmorru bi ħġrahom sabiex flimkien jgħaddu messaġġ ċar li jgħid “Jien Nagħżel Malta”.
//= $special ?>