Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qal li joqgħod fuq l-informazzjoni tas-servizzi sigrieti u li l-kwistjoni ‘Egrant’ hija kollha orkestrazzjoni minn Vladimir Putin u mill-Kremlin tar-Russja.
Muscat kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Buskett meta kien invażat b’mistoqsijiet mill-ġurnalisti dwar il-kummenti li għadda lbieraħ filgħodu, meta ssuġġerixxa li ‘Egrant’ hija invenzjoni tar-Russja. Il-kummenti saru wara rapport ippubblikat fuq l-internet f’dan is-sens.
“Dar-rapport kien jgħid li żewġ servizzi barranin infurmawna li jista’ jkun hemm retribution u li infurmawna speċifikament li l-kwistjoni li nqalgħet mill-Egrant jista’ jkun hemm is-servizzi Russi warajha” qal il-Prim Ministru.
“L-informazzjoni ilha għandna u jien bħala Prim Ministru ma nilgħabx fuq is-sigurtà tal-pajjiż” żied jgħid il-Prim Ministru, f’indikazzjoni ċara li jemmen din l-informazzjoni.
Meta ffaċċjat bir-riga taż-żmien ta’ kif seħħew l-affarijiet, Muscat ikkonferma li joqgħod fuq l-informazzjoni dwar ir-Russi. “Noqgħod fuq is-servizzi sigrieti iktar milli noqgħod fuq in-NET” kienet ir-risposta tal-Prim Ministru, f’konferma oħra li l-Prim Ministru għadu qed jipprova jgħid li l-kwistjoni ‘Egrant’ hija invenzjoni ta’ Vladimir Putin.
Kif ġraw l-affarijiet:
– Diċembru 2015 – Tasal il-whistleblower ta’ Egrant f’Malta
– Marzu 2016 – Il-whistleblower ta’ Egrant toħroġ il-karti minn Pilatus li juru li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru
– April 2016 – L-iskandlu tal-Panama Papers ifaqqa’ madwar id-dinja
– Ottubru 2016 – Iseħħ l-inċident tar-refuelling tal-bastiment Russu
//= $special ?>