Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: Muscat jikkonferma: se jżomm il-petrol u d-diesel għoljin; il-PN iraħħashom mill-ewwel b’5ċ

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Buskett, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li jekk jerġa’ jkun elett fl-elezzjoni bikrija tat-3 ta’ Ġunju, jżomm il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għoljin.

Tant hu hekk, li fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru maqdar il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jitraħħsu b’5 ċenteżmi.

Fl-istess ħin li Joseph Muscat kien qed jikkonferma mal-ġurnalisti li se jżomm il-petrol u d-diesel għoljin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tenna l-impenn li f’Ġunju jorħsu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’5 ċenteżmi.

Żied li dan mhuwiex l-uniku traħħis li se jsir, għax Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista se jkun impenjat li jkompli jnaqqas il-prezzijiet b’mod gradwali sakemm dan ikun taħt il-medja tal-prezzijiet fl-Unjoni Ewropea.