Elezzjoni 2017 Lokali

Il-Maġistrat Josette Demicoli intgħażlet għat-tieni inkjesta kriminali dwar Keith Schembri

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jasal il-Qorti bil-provi dwar il-każ - Mejju 2017

Wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja bagħat il-provi dwar Keith Schembri biex jiġu investigati minn maġistrat iehor, NETnews jinsab infurmat li l-Maġistrat Josette Demicoli intgħażlet biex tmexxi din l-inkjesta. L-Għażla saret bil-polza.

F’dawn il-provi li ressaq Simon Busuttil, hu żvela kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri għadda lill-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman, somma li tlaħħaq is-sitt mija u ħamsin elf ewro (€650,000).

F’pagament wieħed, Keith Schembri għadda is-somma ta’ xejn anqas minn US$169,875.60. Dan il-pagament sar minn kont moħbi ta Keith Schembri fil-bank Svizzeru Credit Suisse. Wara li waslu, dawn il-flus inħaslu billi ġew investiti f’bonds internazzjonali permezz ta intermedjarji finanzjarji.

Fi trasferiment ieħor Keith Schembri uża l-kumpanija sigrieta tiegħu f’Ġibilta bl-isem ta’ Malmos Limited li għandha numru ta reġistrazzjoni 99648 biex għadda is-somma ta’ US$135,870.

Dan it-trasferiment sar minn kont f’bank gewwa Ġibilta’ bl-isem ta Jyske Bank (Gibraltar) Limited. Dakinhar stess ta’ dan it-trasferiment dan l-ammont kollu gie investit f’sitt bonds u funds internazzjonali biex inbeda l-proċess biex dawn il-flus jinħaslu.

Mill-kumpanija Malmos, f’okkażjoni oħra Keith Schembri ħallas lil Lester Holdings is-somma ta €125,000. Dan l-ammont ukoll ġie riċiklat permezz ta xiri ta bonds internazzjonali.

Fi trasferiment ieħor Keith Schembri għadda is-somma ta’ €100,000 lill-kumpanija sigrieta Lester Holdings u fi ftit jiem dawn ukoll ġew investiti f’bonds biex ħadd ma jinduna minn fejn ġew.

Keith Schembri għadda ammont ieħor ta €154,477, din id-darba permezz ta’ aktar min 24 pagament wieħed wara l-ieħor, ħafna drabi ta €5,000 il-wieħed – dawn għaddew minn banek differenti, fosthom il-famuż Pilatus Bank li fih anki għall-kumpanija ta’ Hilmann infetaħ kont.

Din se tkun it-tielet inkjesta kriminali li qed tinvestiga lill-esponenti ta’ dan il-Gvern, waħda dwar il-Prim Ministru u tnejn dwar Keith Schembri.