Fl-attivitá politika Niltaqgħu mal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista li saret f’Ħal Lija bit-tema, Jien Nagħżel Malta, tkellmu wkoll il-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Forza Nazzjonali fuq it-Tmien Distrett Elettorali.
David Agius qal li l-PN fil-Gvern se jsaħħaħ is-settur tal-kultura u tal-isport. Hu qal li f’Ħal Lija għandna wkoll lil Simon Busuttil li fil-ġranet li ġejjin ikun Prim Ministru jekk fit-3 ta’ Ġunju nivvutaw għal Malta u għall-forza nazzjonali.
Michael Asciak qal li kellna Gvern Laburista li f’erba snin daħħal il-korruzzjoni f’kull qasam tal-gvern fosthom fil-każ tal-Panama Papers mill-klikka f’Kastilja. Issa l-Forza Nazzjonali se tieqaf lill-Gvern biex twettaq is-sewwa u jkun hemm liġi għal kulħadd.
Malcolm Bezzina kandidat f’isem il-Partit Demokratiku qal li jifforma parti mill-Forza Nazzjonali biex ikun hemm tindifa fis-sistema politika f’pajjiżna. Hu qal li kulħadd jivvota bil-ħsieb ikollna gvern verament trasparenti
Lee Bugeja Bartolo, kandidat ieħor f’isem il-Partit Demokratiku tkellem dwar l-involviment taż-żgħażagħ li jiddetermina l-futur ta’ pajjiżna. Hu appella biex fit-3 ta’ Ġunju iż-żgħażagħ jagħżlu Malta.
Claudette Buttigieg qalet li ilha Deputat f’dan id-Distrett għal erba’ snin. Qalet li hemm ħafna voluntiera li qed jaħdmu mal-PN li għandu tmexxija ta’ Kap onest f’Simon Busuttil li qed jiġbed lejh aktar nies. Hi qalet li din hi elezzjoni ta’ prinċipju biex ikollna politika nadifa.
Therese Comodini Cachia qalet li l-PN nieda l-programm elettorali li hu sforz ta’ ħidma ta’ tlett snin u l-proposti huma frott tal-ħidma man-nies. Il-programm elettorali juri l-viżjoni wara li aħna nagħżlu Malta biex ngħixu f’pajjiż li jwarrab il-korruzzjoni u kulħadd igawdi l-frott ta’ ħidmietu.
Beppe Fenech Adami irringrazzja lill-kandidati kollha tal-Forza Nazzjonali li qed iwasslu l-messaġġ li pajjiżna għandu bżonn bidla. Hu qal li l-Kunsill Ġenerali tal-PN approva tlett programmi elettorali li fihom aktar minn 500 proposta u dan juri li l-PN kien lest għall-elezzjoni ġenerali u lest biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż fit-3 ta’ Ġunju.
Ċensu Galea tkellem dwar it-30 sena ta’ esperjenza fil-Parlament li matulhom ħadem favur il-pajjiż. Qal li l-Forza Nazzjonali trid terġa’ taqbad it-triq tas-sewwa għax dan il-pajjiż jixraqlu aħjar u ma nistgħux nibqgħu f’din is-sitwazzjoni tal-llum.
Angelo Micallef qal li l-għażla li għandna quddiema hi bejn Joseph Muscat li hu irresponsabbli u ma jixraqlux ikompli jmexxi lil pajjiżna u bejn Simon Busuttil bħala Prim Ministru onest li jmexxi l-Forza Nazzjonali.
Il-kandidat Giorgio Schembri qal li għal ewwel darba f’Malta għandna programm elettorali għal kulħadd, programm elettorali għal Għawdex u ieħor għaż-żgħażagħ. Hu appella għal kuraġġ biex flimkien immexxu lil pajjiż b’mod seren fil-5 snin li ġejjin.
Justin Schembri qal li hu kburi li qed jaħdem fil-PN li hu partit bi storja kbira u bħala żagħżugħ li jrid iservi lin-nies b’enerġija. Hu qal li fit-3 ta’ Ġunju se jagħżel lil Malta u lil Simon Busuttil li se jagħtina lura d-demokrazija li konna ħadniha for granted.
Dorian Sciberras qal li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u l-poplu għandu għażla bejn amministrazzjoni korrotta ta’ Joseph Muscat u l-Forza Nazzjonali li nħolqot biex tiġġieled il-korruzzjoni u tmexxi b’mod onest. Qal li Simon Busuttil hu t-tama għal pajjiżna bi gvern alternattiv li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem.
Il-kandidat David Thake qal li dawk li għadhom mhux ċerti kif se jivvutaw fl-elezzjoni, il-PN ma jagħmel vendikazzjonijiet ma’ ħadd. Hu qal li dawk li qed jistennew ġustizzja, l-PN fil-Gvern jagħti l-ġustizzja. Qal li fit-3 ta’ Ġunju nagħżlu Malta u neħilsu minn ċorma korrotti u kriminali.
Il-kandidat Norman Vella qal li għandna l-industriji tas-servizzi finanzjarji, tal-gaming, tal-ICT, tal-kera u anke s-supermarkets li jinsabu fil-periklu. Hu qal li hemm bżonn li pajjiżna jerġa’ jikseb ismu u għalhekk fit-3 ta’ Ġunju nagħmlu r-rebħa tagħna r-rebħa tal-poplu kollu.
//= $special ?>