Futbol Sport

“L-aktar staġun diffiċli fil-karriera tiegħi ntemm fuq nota pożittiva” – Mourinho

Jose Mourinho qal li dan kien l-aktar staġun diffiċli fil-karriera tiegħu

“Dan kien staġun li nista’ ngħidlu wieħed negattiv għalija. Kien hemm mumenti li waqtu ħassejt li kont qed inmexxi l-agħar tim fid-dinja u li jien kont l-agħar kowċ fid-dinja. Madankollu spiċċajna l-istaġun bi tliet titli u ikkwalifikajna għaċ-Champions League. Din kienet rebħa miksuba minn grupp ta’ plejers umli. Nippreferi li għaddejna għaċ-Champions League bir-rebħ ta’ din it-tazza milli nkunu spiċċajna mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat u ma nkunu rbaħna xejn.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-manager ta’ Man Utd Jose Mourinho wara li l-Erbgħa filgħaxija t-tim tiegħu rebaħ 2-0 kontra Ajax fil-finali tal-Europa League. Grazzi għal dan is-suċċess ukoll Man Utd ikkwalifikaw għaċ-Champions League anke jekk dawn spiċċaw fis-sitt post fil-Premiership.
It-tim immexxi minn Jose Mourinho qatt ma kien f’periklu kontra t-tim żagħżugħ ta’ Ajax u skurja l-gowls fl-aktar mumenti kruċjali tal-partita.

Grazzi għal dan is-suċċess Man Utd ingħaqdu ma’ Ajax, Bayern Munich, Chelsea u Juventus bħala wieħed mill-ftit klabbs li rebaħ kull unur tal-UEFA. Dan kien it-tielet unur għar-Red Devils dan l-istaġun. Huma kienu bdew l-istaġun billi rebħu l-Community Shield meta dakinhar għelbu lil Leicester u fi Frar li għadda rebħu l-League Cup meta rebħu kontra Southampton.

Issa Man Utd jibdew l-istaġun billi jilagħbu fil-finali tal-UEFA Super Cup f’Awwissu li ġej kontra r-rebbieħ taċ-Champions League (Real Madrid jew Juventus).

Ta’ min jinnota li minn 14-il finali li lagħab Mourinho matul il-karriera tiegħu issa rebaħ 12.
Peter Bosz, kowċ ta’ Ajax qal li jinsab ċert li l-plejers tiegħu se jitgħallmu minn din l-esperjenza fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Ta’ min jinnota li Ajax għamlu użu mill-iżgħar tim li qatt lagħab f’finali ta’ kompetizzjoni Ewropea.

“Il-plejers se jkomplu jitjiebu u jekk ma nbiegħu l-ebda plejer it-tim se jkompli jissaħaħ. Ma konniex perikolużi biżżejjed u l-esperjenza li għandhom Man Utd kienet id-differenza,” qal Bosz.