Il-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali li lbieraħ ippreżenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u li ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali tal-PN, jiddomina l-ġurnal In-Nazzjon b’rapporti u dettalji ta’ Programm Elettorali mfisser minn Simon Busuttil bħala storiku.
In-Nazzjon jelenka l-punti ewlenin tal-Programm Elettorali tal-Forza Nazzjonali u jirrapporta d-diskors fid-dettall tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Rapporti oħrajn jinkludu l-proposti li l-Forza Nazzjonali qed tagħmel għas-settur tal-ambjent u dak sportiv.
In-Nazzjon jelenka wkoll b’fatti, kif hi assurda u redikola d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Muscat li hemm is-servizz sigriet Russu wara l-akkuża li l-kumpanija Egrant hi ta’ martu.
Storja oħra importanti hi dwar kif il-Prim Ministru Muscat ħarab mill-ġurnalisti u bagħat lil Edward Zammit Lewis flok mar hu biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Awtorità tax-Xandir.
In-Nazzjon illum jippubblika l-analiżi politika ta’ Angelo Micallef, Antonello Cuschieri u Carm Mifsud Bonnici.
L-aħbarijiet ta’ barra jkomplu jiġu dominati mill-attakk terroristiku li seħħ f’Manchester.
Ritratti sbieħ fil-paġni sportivi jagħtu ħarsa lejn ir-rebħ tal-Europa League minn Manchester United.