Fir-Renju Unit komplew l-investigazzjonijiet intensivi dwar l-attakk terroristiku tat-Tnejn fil-kumpless tal-kunċerti ta’ Manchester, fejn għexieren ta’ nies inqatlu jew sfaw feruti waqt splużjoni ta’ bomba mimlija bl-imsiemer u skorfini.
L-attakk seħħ fil-konklużjoni ta’ kunċert li kienet qed tagħti l-kantanta Amerikana Ariana Grande u l-pulizija, issa, qalu li t-tmien arresti li saru minn dakinar ‘il hawn jistgħu jkunu ferm sinifikanti għall-istħarriġ tagħhom. Il-pulizija involuti fl-azzjoni anti-terroristika anki qegħdin jagħtu importanza lill-materjal li nħataf waqt sensiela ta’ rejds fuq numru ta’ residenzi fiċ-ċentru ta’ Manchester u fiz-zona ta’ Moss Side, fl-istess belt.
Il-Pulizija temmen li l-aggressur suwiċida responsabbli mill-attakk tat-Tnejn kien qed jaġixxi bħala membru ta’ network terroristiku. L-aggressur inkwistjoni, li miet fl-isplużjoni, kien identifikat bħala Salman Abedi, li twieled f’Manchester u li familtu għandha oriġini Libjana.
Fi żvilupp ieħor, ir-Reġina Eliżabetta, illum, żaret ir-Royal Manchester Children’s Hospital biex tiltaqa’ ma’ wħud mill-midruba fl-attakk tat-Tnejn. Waqt iż-żjara hi faħħret il-qlubija tar-residenti ta’ Manchester u l-mod straordinarju kif il-belt irreaġiet għall-effetti terribbli tat-terroriżmu.
Sadanittant, numru ta’ suldati, pulizija u membri tal-bomb disposal unit kmieni llum wieġbu għal stat ta’ allert dwar il-possibbiltà ta’ pakkett suspettuż ġo kulleġġ ta’ Manchester. Is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tneħħiet, aktar tard, wara li ttieħdu l-miżuri tas-sigurtà xierqa u ma nstab xejn ta’ periklu partikulari.
Fi żviluppi oħra, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li hu inkwetat dwar leaks ta’ informazzjoni mill-investigazzjoni dwar l-attakk f’Manchester u li minnhom ‘ibbenefikaw’ sezzjonijiet tal-istampa Amerikana. Hu fisser il-leaks bħala ‘theddida gravi għas-sigurtà nazzjonali’ waqt li ħalef li l-amministrazzjoni tiegħu se ‘tinvestiga dan il-każ bis-sħiħ’.
Ir-rimarki ta’ Trump, li kien qed jattendi summit tan-NATO fi Brussell ingħataw wara li l-media Amerikana pubblikat ritratti mix-xena fejn wettaq l-attakk Salman Abedi u fejn sfaw maqtula 22 adulti u tfal.
L-uffiċjali tal-Gvern Britanniku u l-pulizija fir-Renju Unit huma rrabjati ħafna wara li n-New York Times ippubblikat ritratti dwar ‘il-fdalijiet mit-terroriżmu ta’ Manchester’. Il-Pulizija fi Greater Manchester qalu li jistgħu ma jkomplux jaqsmu informazzjoni mal-Istati Uniti, bl-uffiċjali ewlenin jikkundannaw il-fatt li ‘dawn il-leaks kellhom ikabbru n-niket għall-familji ta’ Manchester li tilfu lill-għeżież fl-attakk kodard’.
//= $special ?>