Internazzjonali

Trump f’taħditiet delikati man-NATO u l-UE

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed ikollu taħditiet ‘diffiċli u delikati’, fi Brussell, mal-membri l-oħra tal-Alleanza tan-NATO. Dan meta n-NATO qablet mat-talba ta’ Trump biex tissieħeb mal-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana għal kontra l-ISIS.

Din kienet opportunità unika għal Trump biex jiltaqa’ ma’ diversi Mexxejja tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba – fosthom il-President ġdid ta’ Franza, Emmanuel Macron.

Il-President tal-Istati Uniti ltaqa’ wkoll mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Donald Tusk, b’talaħħar, wara, isostni li ‘huma qablu dwar numru ta’ oqsma’ filwaqt li kellhom ukoll ‘xi diżgwid dwar ir-Russja’.

F’dan il-każ, Tusk qal li filwaqt li ma setax jgħid ‘li huma jaqsmu opinjoni komuni rigward ir-Russja’, qed jidher li l-Istati Uniti u l-Ewropa jaħsbuha l-istess fir-rigward tal-konflitt tal-Ukrajna.

Donald Trump kien ikkritikat għall-ammirazzjoni tiegħu għall-President Russu Vladimir Putin u meta l-amministrazzjoni attwali f’Washington qed tissemma b’konnessjoni ma’ allegati ‘rabtiet mill-qrib mal-interessi tar-Russja’. Sadanittant, Tusk enfasizza ‘li fil-qalba tar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti hemm il-valuri fondamentali tal-Punent mibnija fuq il-ħelsien, id-drittijiet umani u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem’.

Is-summit tan-NATO mistenni jkattar il-qbil dwar il-pjan tal-Istati Uniti biex l-Alleanza tassumi rwol akbar fil-ġlieda kontra l-militanti Iżlamiċi, u b’mod partikulari l-ISIS. Madankollu, Franza u l-Ġermanja qed jgħidu li dan il-pass hu, fil-parti kbira, wieħed simboliku.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-pajjiżi tan-NATO se jikkontribwixxu aktar fejn jidħol skambju ta’ informazzjoni u għall-proċessi ta’ refuelling fl-ajru. ‘Dan għandu jibgħat messaġġ politiku qawwi tal-impenn tan-NATO favur il-ġlieda kontra t-terroriżmu minbarra li jtejjeb il-koordinament fi ħdan il-koalizzjoni’, qal Stoltenberg, li, fl-istess ħin, tenna, li ‘dan ma jfissirx li n-NATO għandha jkollha sehem dirett f’xi kumbattimenti’.