Elezzjoni 2017 Lokali

Programm holistiku favur is-saħħa mentali

Pari Passu mal-migrazzjoni proposta mill-Isptar Monte Carmeli għaċ-ċentru l-ġdid għas-saħħa mentali propost qrib l-isptar Mater Dei, għandha ssir ħidma ħolistika sabiex dan is-settur jikseb il-qabża fil-kwalita’ li tant ilha tinħass.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidati tal-Partit Demokratiku bħala parti mill-Forza Nazzjonali, l-eks Ministru Godfrey Farrugia  qal li hu kien diġa ippropona din il-migrazzjoni lura f’Ottubru 2013 iżda l-Gvern Laburista kien poġġieha fl-ixkaffa biex reġa’ ħariġha għall-elezzjoni.

Godfrey Farrugia saħaq dwar l-importanza tal-prevenzjoni u għamel referenza partikolari fost it-tfal u ż-żagħżagħ fejn 80% tagħhom, xi ħin jew ieħor, jesperjenzaw xi kundizzjoni li taffettwa s-saħħa mentali, fosthom problemi ta’ vizzji. Dan jinkludi wkoll dipendenza ta’ natura elettronika bħas-social media.

Semma żewġ oqsma li huma partikolarment għal qalbu, il-qasam psikoġerjatriku jiġifieri tal-anzjani li jbatu bid-dimensja u l-qasam taż-żagħżagħ li jbatu mill-hekk imsejjaħ challenging disorder.

Godfrey Farrugia qal li f’dawn iż-żewġ każi, hemm ħtiega li jkollhom post speċjalizzat. F’kull każ, hemm il-ħtieġa ta’ ħidma ta’ appoġġ għall-qraba.