Il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u Adrian Hillman qed jippruvaw iqarrqu meta jorbtu l-investigazzjoni interna li saret minn Allied Newspapers mal-istorja tas-€650,000 mgħoddija minn Schembri lil Hillman.
Dan joħroġ minn stqarrija tal-Bord tad-Direttur ta’ Allied Newspapers, li titkellem dwar il-provi li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u li dwarhom infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli.
Simon Busuttil kien iddikjara li Keith Schembri għadda €650,000 lil Adrian Hillman, fl-istess żmien li dan tal-aħħar kien Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, liema pagamenti għaddew f’kontijiet offshore u li għalihom m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni.
Keith Schembri u Adrian Hillman kienu pront ċaħdu dan u Hillman saħansitra ġab l-iskuża li l-pagamenti saru għal servizzi editorjali.
Iżda fi stqarrija, il-kumpanija Allied Newspapers ċaħdet li l-Bord tad-Diretturi jafu xi ħaġa dwar dawn il-pagamenti u jekk kellhomx x’jaqsmu ma’ Allied Group.
Għalhekk dan ifisser li dawn il-pagamenti ma setgħux ikunu investigati fl-investigazzjoni interna li saret, u li kienet wasslet għar-riżenja ta’ Adrian Hillman, għaliex l-istess grupp qatt ma kien jaf bihom qabel ħabbar id-dettalji Simon Busuttil. Dan anke għaliex Allied Group ma kellux aċċess għal informazzjoni dwar attivitajiet offshore, kuntrarju għall-poteri li għandu l-Maġistrat.
Madankollu Adrian Hillman, fl-iskuża tiegħu, żeffen fin-nofs din l-investigazzjoni interna u qal li f’din l-investigazzjoni ma nstab xejn illegali jew kriminali.
Fl-istess waqt iddikjara li f’dan is-sens, allura Allied Group ikun vittma jekk l-inkjesta tikkonferma dak li ħabbar Simon Busuttil. L-istess Grupp jilqa’ l-Inkjesta Maġisterjali bl-għan li toħroġ il-verità.
//= $special ?>