Ilbieraħ, waqt Xarabank, Joseph Muscat qal li Mario De Marco għandu, jigifieri li hu s-sid ta’ kumpanija sigrieta f’Ċipru m’hux iddikjarata.
Imma l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li din hija gidba assoluta minn kull aspett li turi li Joseph Muscat jinsab f’paniku. Tant, li llum, Joseph Muscat ħareġ dokumenti li juru li, dak li qal Muscat stess ilbieraħ, mhux veru.
X’inhi l-verità?
Il-Partit Nazzjonalista spjega li Mario de Marco, fil-kapaċità professjonali tiegħu, huwa wieħed mid-diretturi ta’ kumpanija, li s-sid tagħha huwa Finian Lyden, ċittadin Irlandiż. “Joseph Muscat żgur li jaf id-differenza kbira li teżisti bejn li tkun sid ta’ kumpanija u li tkun direttur. Mario de Marco la hu u la qatt kien is-sid ta’ din il-kumpanija,” żied jispjega l-Partit Nazzjonalista.
Din il-kumpanija bl-isem ta’ Twinkleday Ltd hija kumpanija Ċiprijotta reġistrata Malta mal-Malta Financial Services Authority (MFSA) bi stabbiliment f’Malta. Dawn il-fatti kollha jistgħu jiġu vverifikati minn dokumenti pubbliċi fis-sit tal-MFSA u għalhekk ma hemm xejn sigriet dwarha.
Il-Partit Nazzjonalista spjega li Mario de Marco ddikjara l-fatt li huwa wieħed mid-diretturi ta’ din il-kumpanija fid-dikjarazzjoni tal-assi li jagħmel fil-Parlament kull sena, jiġifieri fid-dikjarazzjoni tiegħu għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma aċċessibbli għall-media.
“Dan huwa eżempju ieħor ta’ disperazzjoni li qed taħkem lil Muscat u li minħabba fiha qed jitfixkel fil-gideb tiegħu stess,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista
//= $special ?>