Minkejja li l-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u allegatament tal-mara tal-Prim Ministru bdew jinfetħu ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali, u minkejja proċess twil sakemm dawn infetħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ insista li l-iskandlu tal-Panama u ‘Egrant; huwa ‘żball’.
Muscat kien qed jitkellem f’attività politika fil-Mosta meta qal li l-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ governanza fl-aħħar erba’ snin kienu ‘żball’. “Jgħidulna ‘korruzjoni’ u ‘governanza’… Issa aħna ma ngħidux li aħna perfetti. Aħna nammettu li għamilna l-iżbalji. Jiena nġorr ir-responsabbiltà” qal il-Prim Ministru.
B’Joseph Muscat jipprova jiskredita l-artikli fil-media internazzjonali li taw daqqa ta’ ħarta lir-reputazzjoni ta’ Malta minħabba l-korruzzjoni tal-klikka korrotta. “U mela jiġu jgħidulna li għax kien hemm ftit artikli f’xi gazzetti ħa jkun hawn xi kriżi?” qal Muscat.
Fid-diskors tiegħu, b’mod mill-aktar surreali, il-Prim Ministru saħansitra qal li l-aktar Gvern korrott li jmexxi, qed jiġġieled il-korruzzjoni. “Aħna ma konniex wieħed minn dawk il-pajjiżi li ġejna mitluba niġġieldu l-korruzzjoni, għax qegħdin naħdmu fuq hekk!” ftaħar il-Prim Ministru.
Fil-Mosta, tkellem ukoll il-Ministru Edward Scicluna, li fl-aħħar jiem kellu jmur isewwi l-ħsara li saret lil pajjiżna, b’Scicluna jikkwota Ministru Ġermaniż biex jattakka lill-ġurnalisti barranin li rrappurtaw il-Malta Files b’mod negattiv fuq Malta minħabba r-reputazzjoni li ħa pajjiżna.
“Jekk jinstab xi ħaġa, għandhom ikunu l-istituzzjonijiet li jagħmluhom, u mhux intom il-ġurnalisti li tipprovaw toħolqu suspett fuq pajjiż seħibkom fl-Unjoni Ewropea”, qal Scicluna.
Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikkundanna l-Malta Files, hu saħaq li pajjiżna ma kienx jiġi rrappurtat b’dan il-mod li kieku Joseph Muscat u l-klikka korrotta ma ħammġux isem Malta.
//= $special ?>