Elezzjoni 2017 Lokali

Gvern ta’ Muscat tilef fondi Ewropej għall-Isptar t’Għawdex – Simon Busuttil, Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Gvern Laburista ħela ċ-ċans li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jakkwista fondi biex dan l-istess sptar jiġi ristrutturat kif jixraq lill-Għawdxin.

Iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat neħħa l-Ministeru tas-Saħħa minn idejn Godfrey Farrugia u din il-ħidma waqfet hawn.

Minflok, Joseph Muscat daħħal lil Konrad Mizzi u biegħ l-isptarijiet lokali, inkluż l-uniku sptar f’Għawdex lil kumpanija privata mingħajr esperjenza fil-qasam tas-saħħa.

Tkellem dwar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li s-Sibt indirizza lil folla quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista waqt attività politika.

Qal li issa qed iqumu dubji kbar jekk anke f’dan il-każ hemmx ukoll skandlu ieħor li għad irid jinkixef.

 

Simon Busuttil għamilha ċara li jekk ikun konfermat li anke Vitals Global Healthcare għandhom kont bankarju fil-Bank Pilatus, allura tkun kumbinazzjoni wisq li dawn l-iskandli kollha fl-aħħar erba’ snin għandhom l-istess nies komuni bejniethom

L-istess attività kienet indirizzata wkoll mill-eks Ministru tas-Saħħa tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia fejn spjega kif il-ħidma tiegħu biex jakkwista l-fondi Ewropej għall-Isptar ta’ Għawdex kellha tintem ħesrem.

Iżda dan mhux l-uniku skandlu riċenti li qed jaħkem lill-Gvern Laburista. Hemm ukoll dak l-iktar riċenti fejn investigazzjoni tal-FIAU sabet rabta bejn is-sidien tat-tanker tal-gass u Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dwar dan, l-editur ta’ The Malta Independent ħabbar li lest imur bil-provi għand il-Maġistrat.

Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li kull kuntratt li ffirmaw Konrad Mizzi u Keith Schembri jkunu nvestigati mmedjatament malli l-poplu Malti u Għawdxi jagħti fiduċja lil Gvern Nazzjonalista.