Elezzjoni 2017 Lokali

Roħs ta’ 5ċ fuq il-petrol u d-diesel minn Ġunju u l-elettriku jinxtara mill-orħos sors – Simon Busuttil

B’effett immedjat malli jinħatar gvern ġdid iffurmat mill-Partit Nazzjonalista u l-Forza Nazzjonali il-prezz tal-petrol u tad-diesel se jorħos b’5 ċenteżmi kull litru minn Ġunju stess u l-prezz jibqa’ jinżamm taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea matul il-ħames snin kollha tal-leġislatura. Bħalissa l-prezz tal-petrol u tad-diesel f’Malta qed jinżamm għoli ħafna u hu fost l-iktar għoljin fl-UE. Nintrabtu wkoll li nixtru l-elettriku mill-orħos sors li bħalissa hu l-Interconnector u l-flus li niffrankaw ngħadduhom lill-konsumatur bi tnaqqis fil-kontijiet tal-elettriku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Ħ’Attard li matulha ħabbar disa’ proposti dwar l-enerġija li permezz tagħhom se jkun hemm trasparenza sħiħa u ġustizzja lejn il-konsumatur. Preżenti wkoll il-kandidati, Marthese Portelli, Karol Aquilina, Jean Pierre Debono, Donia Borg, Doris Borg, Elaine Camilleri Schembri, Connie Scerri u Alan Abela Wadge.

Simon Busuttil qal li malajr kemm jista’ jkun it-tanker tal-gass ta’ Marsaxlokk jinħareġ il-barra u ssir ħidma fuq il-pipeline tal-gass ma Sqallija. Hu qal li sas-sena 2020, 10 fil-mija tal-enerġija li nużaw tiġi minn sorsi alternattivi tal-enerġija mix-xemx permezz ta’ pannelli fuq id-djar u bjut kummerċjali. Se jingħataw grants għal feed in tariffs u fuq il-bjut ta’ bini ġpubbliku jitpoġġew aktar pannelli solari.

Il-Kap tal-PN qal li Malta hi l-uniku pajjiż membru tal-UE li mhux jilħaq mal-obbligi tad-direttiva dwar il-klima u għalhekk issir aktar ħidma biex jonsqu l-gassijiet serra u l-emmissjonijiet biex nilħqu l-obbligi tad-direttiva tal-UE.

Proposti oħra huma li jitnaqqsu l-emmissjonijiet CO2 kaġunati mit-traffiku billi jittieħdu miżuri biex il-pubbliku juża aktar it-trasport pubbliku u jiddħħal il-kunċett tas-solar rights billi jingħata kumpens lil min ikollu pannelli solari u jittella’ bini maġenb jew quddiem il-proprjetà tiegħu u jgħattilu x-xemx.

Simon Busuttil qal li gvern ġdid tal-Forza Nazzjonali jadotta teknoloġija biex jipprovdi enerġija mix-xemx permezz tas-solar roads billi jitpoġġew pannelli f’wiċċ it-triq. Din hi teknoloġija ġdida u għalhekk ikun hemm sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex niġġeneraw l-enerġija anke mill-ispazju li joffru t-toroq. Se jingħataw inċentivi għal green route u jingħataw tax rebates lill-kumpaniji li jippermettu li l-bjut tagħhom jinużaw bħala spazju ta’ rikreazzjoni.

Simon Busuttil irrefera wkoll għar-rapport ta’ The Malta Independent li żvelat rapport ieħor tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li juri konnessjoni bejn it-tanker tal-gass f’Marsaxlokk u Keith Schembri u Konrad Mizzi. Hu qal li din hi xi ħaġa mill-iktar diżgustanti jekk hu minnu li dawn in-nies billu subajhom anke fil-ftehim dwar it-tanker tal-gass. Simon Busuttil qal li jekk joħroġ li dan ir-rapport hu minnu, jkun ifisser li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jkunu biegħu ukoll lin-nies ta’ Marsaxlokk, ta’ Birżebbuġa u taż-Żejtun. Hu qal li l-FIAU ħarġet stqarrija fejn qalet li r-rapport mhux konklussiv u għalhekk wiegħed li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja jitlob lill-FIAU tikkonkludi bla aktar dewmien l-investigazzjoni dwar dan il-każ u jkunu involuti l-Pulizija f’din l-investigazzjoni.

Hu qal li Joseph Muscat mhux biss imexxi klikka ta’ nies korrotti f’Kastilja, imma agħar minn hekk għax qed jiżguraw li l-istituzzjonijiet ma jistgħux imissuhom biex jieħdu passi kontrihom. Hu saħaq li din hi l-agħar ħaġa għax dawn nawwru u ħatfu l-istituzzjonijiet. Staqsa kif hemm erba’ rapporti tal-FIAU u ħadd ma jiċċaqlaq u qal li r-rapport tal-Malta Independent hi xi ħaġa kbira ħafna. Hu fakkar li Joseph Muscat kien mar f’Singapore meta kien se jsalpa t-tanker tal-gass u għalhekk dan hu kompliċi magħhom għax baqa’ jiddefendihom u jekk tinstab verament hemm rapport tal-FIAU dwar dan il-każ dan ikun aġir kriminali. Simon Busuttil qal li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja fit-3 ta’ Ġunju, hu immedjatament jiftaħ investigazzjoni dwar dan il-każ.