Lokali

Sirjan b’passaport Malti arrestat b’rabta ma’ terroriżmu!

Il-Pulizija ta’ Ragusa arrestaw żewġ Sirjani, wieħed minnhom b’passaport Malti, li qed jiġu akkużati b’rabtiet mat-terroriżmu. Dan mal-wasla tagħhom f’Pozzallo, propju minn Malta.

Wieħed mis-Sirjani, Walid Eibo ta’ 25 sena li għandu passaport Malti, kien ilu numru ta’ drabi jaqsam bejn Malta u Pozzallo fl-aħħar ġimgħat. L-ieħor hu minorenni u wara li ġie rreġistrat fl-Italja għall-ewwel darba fit-30 t’April, kien intbagħat f’ċentru ta’ akkoljenza f’Caltagirone (Catania) qabel sparixxa fl-aħħar jiem.

Mir-riċerka li saret instab li t-tnejn li huma kienu f’kuntatt bejniethom u fil-mobiles tagħhom instabu ritratti ta’ persuni mimlija bl-isplussiv imdawwar magħhom, kamikaze. Jakkumpanja r-ritratt, il-kliem bl-Għarbi “mil-lum l-ebda pietà” f’theddida ċara.

Fl-investigazzjonijiet, li kkoperat fihom il-Pulizija Maltija wkoll, instab li ż-żgħażagħ telqu mil-Libja lejn Malta, qabel finalment komplew bil-vjaġġ tagħhom lejn l-Italja. Għand il-minorenni nstabu wkoll dokumenti foloz.

Huma nqabdu hekk kif bħalissa fl-Italja hemm kontrolli ogħla mis-soltu minħabba biża’ li jsita’ jseħħ xi attakk terroristiku minħabba li mexxejja se jiltaqgħu f’Taormina, bħala parti mill-G7.