Elezzjoni 2017 Lokali

Eks kandidat tal-Partit Laburista jiddikjara li se jagħżel Malta

L-eks kandidat tal-Partit Laburista fuq it-tieni u t-tielet distrett, Adrian G. Meli, iddikjara li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss “kburi li se jimxi bil-prinċipju u fuq kollox b’kuxjenza nadifa. Jien Nagħżel Malta.”

Hu għamel din l-istqarrija ċara meta fuq Facebook ikkwota lil Philip Rizzo, li f’intervista fuq The Sunday Times of Malta żvela li tkellem mal-Prim Ministru u wissieh dwar korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-Ministeru tal-Edukazzjoni. Iżda l-Prim Ministru minflok ħa azzjoni offrielu post ieħor fejn imur jaħdem.

F’dak li kkwota Adrian Meli, Philip Rizzo stqarr hekk: “Din id-darba mhux se nivvota blu, aħmar, oranġjo jew aħdar. Se nagħżel bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Nistrieħ fit-twemmin tiegħi li dejjem kont fuq in-naħa t-tajba meta kien hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet essenzjali. Se nżomm ma’ dan il-prinċipju.”

Adrian Meli, li fil-professjoni tiegħu hu spiżjar, fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet kien wieħed mill-kandidati ġodda għall-Partit Laburista.

F’intervista li kien għadda, iddikjara li t-tmexxija ta’ Joseph Muscat kienet tolqtu u kien hemm bżonn bidla fil-Gvern minħabba, fost l-oħrajn, il-problema tal-faqar. Madankollu f’erba’ snin biss Adrian Meli rrealizza li l-affarijiet mid-diskors ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss għall-fatti tal-aħħar erba’ snin, hemm baħar jaqsam.