Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima t-tama tiegħu li bil-vot tal-poplu tas-Sibt li ġej, nhar il-Ħadd se jkun jum ġdid għal Malta.
Dan esprimih b’konvinzjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’mass meeting f’Tas-Sliema, fl-aħħar Ħadd qabel mal-poplu jmur jivvota fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej.
Simon Busuttil ta merħba lill-Maltin kollha, partikolarment liż-żgħażagħ li qed iwieġbu għas-sejħa tal-pajjiż. Fakkar li fi żmien ġimgħa tkun magħrufa d-deċiżjoni tal-poplu Malti. Ikun magħruf jekk ikunx għażel it-triq tal-korruzzjoni inkella t-triq tal-Forza Nazzjonali li jisimha t-triq tal-politika onesta.
F’sebat ijiem, il-futur li nimmaġinaw li lkoll nagħmluh realtà jista’ jseħħ. Il-poplu jrid jibqa’ jemmen u jaħdem bla heda biex jinkiseb ir-riżultat li l-poplu joħlom li għandu jkollu pajjiżna. Hu se jibqa’ jaħdem biex il-poplu jikseb ir-riżultat li jixraqlu.
Simon Busuttil qal li għaliex kien dahru mal-ħajt, Joseph Muscat f’Xarabank għajru għaliex jogħrqu jdejh. “Jien ma niddejjaqx li negħreq l-għaraq ta’ xbini għal pajjiżi. Imma mhux se negħreq fil-korruzzjoni. Min għandu jdejh imċappsin bil-korruzzjoni, jaħsel kemm jaħsel idejh, dawn se jibqgħu mċappsin.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-fatti jibqgħu li għandna Prim Ministru li qed ikun investigat fuq allegazzjonijiet kriminali. Għandna Prim Ministru li sejjaħ investigazzjoni wara li nħarġu l-provi fis-satra tal-lejl u wara li l-Kummissarju baqa’ jmexmex il-fenek sal-aħħar. Għandna Prim Ministru li għandu miegħu lil Keith Schembri b’żewġ investigazzjonijiet kriminali kontrih, u lil Konrad Mizzi b’każi ta’ korruzzjoni mdawra miegħu.
Simon Busuttil xebbaħ il-każ tas-sitwazzjoni li jinsab fiha Muscat, ma’ xi ħadd li jara l-ħallelin b’oġġetti misruqa. Xi ħadd jgħinhom jaħarbu u minkejja l-provi ċari kontra, dawn jibqgħu jiċħdu.
Il-Prim Ministru mhux biss jiċħad imma jwaħħal f’kulħadd. Waħħal fil-whistleblower, fil-Kap tal-Oppożizzjoni, fil-President Russu u tefa’ r-responsabbiltà fuq il-Maġistrat inkwirenti.
Simon Busuttil qal li diġà tfisser biżżejjed biex ikun hemm raġunijiet għaliex il-Prim Ministru għandu jirriżenja. Għalih mhux ħażin li Keith Schembri jieħu flus maħmuġin minn fuq il-bejgħ tal-passaporti. Joseph Muscat ma jara xejn ħażin li Keith Schembri u Konrad Mizzi jieħdu l-flus mit-tanker tal-gass. Għalih ma hemm xejn ħażin li isem Malta qed jitħammeġ.
“Jekk għal Joseph Muscat jgħaddi kollox, għalina mhux kollox jgħaddi. Dak li hu ħażin qatt ma nistgħu nsejħulhu tajjeb.”
Il-poplu jistaqsi għaliex għandu jobdi l-liġi u jħallas it-taxxi meta Konrad Mizzi u Keith Schembri jagħmlu li jridu u kollox jibqa’ għaddej?
In-nies jistaqsu għaliex qed jgħixu f’soċjetà nieqsa mill-ġustizzja soċjali? Joseph Muscat jiftaħar li l-ekonomija għaddejja. Jiftaħar li m’hemmx nies ifittxu x-xogħol għaliex il-GWU qed tingħata l-flus minn fuq dahar il-ħaddiema. Joseph Muscat jgħid li la hemm il-flus, ħadd ma għandu jgerger.
Simon Busuttil qal li fl-flus mhumiex kollox għaliex hemm il-valuri. Il-poplu mhux se jinxtara għaliex il-poplu mhux għall-bejgħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandu t-tama li wara t-3 ta’ Ġunju, il-poplu se jbiddel dan kollu. Il-poplu se jbiddel bħala poplu magħqud. Il-pajjiż se jkollu ekonomija b’saħħitha għaliex jekk baqgħet għaddejja b’dak kollu li għaddej, aħseb u ara kemm se timxi aħjar mingħajr il-korruzzjoni.
L-ekonomija se tkun aktar b’saħħitha għaliex iż-żgħażagħ se jimxu ’l quddiem bil-ħila tagħhom. L-ekonomija se timxi għaliex l-imprendituri jafu li se jkunu qed jikkompetu b’ġustizzja u mhux jevitaw li japplikaw għaliex ikun diġà magħruf min se jieħu l-offerta.
Simon Busuttil qal li l-ekonomija se timxi ’l quddiem għaliex se jkollna soċjetà li tgħin lil dawk kollha fil-bżonn. Il-poplu se jkun qed jgħix f’soċjetà ġusta. Fejn il-poplu kollu jħossu parti minn din is-soċjetà. Se ngħixu f’soċjetà li tgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar, f’ambjent aktar b’saħħtu u b’arja aktar nadifa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu fiduċjuż li l-poplu se jħossu aktar minn qatt qabel li hu Malti. Fejn kulħadd jiftaħar li hu Malti, kburi b’pajjiżu.
F’dawn is-sebat ijiem li fadal, baqa’ ħafna x’isir, qal Simon Busuttil. Minkejja li l-Partit Nazzjonalista telaq minn pożizzjoni diffiċli, issa wasal il-mument li l-poplu jaqbeż fuq quddiem.
Wasal iż-żmien li kulħadd jagħmel sforz. Simon Busuttil appella wkoll lil dawk kollha li għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw u fisser li fuq dawn jiddependi l-futur ta’ pajjiżna. Jiddependi jekk il-pajjiż jibqax sejjer fit-triq li għaddejjin illum, jew jekk jaqbadx it-triq tal-onestà politika.
Appella lil dawk li mhumiex marbuta ma’ kulur politiku, biex jivvutaw favur il-pajjiż. Mhux importanti jekk għandhomx fehmiet differenti. Importanti biss li l-għażla tkun favur il-pajjiż.
Nhar is-Sibt, il-pajjiż hu bżonn il-poplu kollu. Jekk il-poplu jagħżel lilu, jwiegħed li jkun bħala forza nazzjonali li ma taħdimx favur il-poplu biss lejlet l-elezzjoni imma tul il-leġiżlatura kollha.
Simon Busuttil appella wkoll lil-Laburisti mweġġgħin, inklużi dawk li ngħaqdu mal-folla tal-mass meeting, u li jinsabu maqsumin bejn il-lealtà lejn it-twemmin tagħhom u lejn l-imħabba lejn il-pajjiż. Lil dawn, Simon Busuttil wegħedhom li jekk jagħtu l-fiduċja lill-Forza Nazzjonali, jagħtihom dak li riedu fl-2013 biex Malta tkun verament tagħna lkoll, li jkun hawn gvern li jirrispetta l-meritokrazija, it-trasparenza, il-kontabbiltà, u li ma jkun hawn ebda tolleranza għall-korruzzjoni.
Simon Busuttil irrefera għal kliem Godfrey Farrugia meta dan qal li se jkun hemm għat-torċa tal-onestà u tas-sewwa. Simon Busuttil qal li din it-torċa llum intfiet għaliex fgawha.
“Inwegħedkom li nerġgħu nixegħlu t-torċa tal-onestà. Ejja ningħaqdu biex flimkien nixegħlu l-futur ta’ pajjiżna”, appella l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu indirizza wkoll lil dawk in-Nazzjonalisti li vvutaw lil Joseph Muscat erba’ snin ilu, kif kellhom id-dritt li jagħmlu.
Hu spjega li kull meta tkellem magħhom tul l-erba’ snin li għaddew, fehem li l-Partit Nazzjonalista kellu difett kbir li ma fehemx il-pożizzjoni tagħhom u li huma ħassewhom imwarrbin. “Dan hu difett li aħna determinati li negħlbuh darba għal dejjem”, qal Simon Busuttil.
Appella biex dawn ukoll bħala Maltin, jivvutaw għall-Forza Nazzjonali, għall-pajjiż. Simon Busuttil wiegħed li dan l-appoġġ mhux se jintesa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil kull min f’isem il-popli Malti tah l-appoġġ. Irringrazzja lill-Partit Popolari Ewropew li dejjem ta l-appoġġ tiegħu lill-Partit Nazzjonalista għaliex jaf li Malta mhix korrotta.
Simon Busuttil sejjaħ lill-poplu biex it-tama l-ġdida twassal għall-għażla t-tajba. Bejn it-triq tal-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat, ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, u t-triq l-oħra tal-onestà li tagħti lill-pajjiż paġna ġdida, il-poplu jagħżel it-triq it-tajba bl-għajta “Jiena nagħżel Malta.”
//= $special ?>