L-elezzjoni tal-ġimgħa d-dieħla ssejħet mhux għaliex il-pajjiż għandu bżonnha jew għaliex hi fl-interess tal-poplu. Sejjaħha Joseph Muscat minħabba li l-pjan tiegħu li jibqa’ fil-gvern għal għaxar snin marlu ħażin. Muscat jaf li qed ikunu investigat. Jaf li għaddejjin tliet investigazzjonijiet maġisterjali dwar akkużi serji kriminali.
Joseph Muscat għaġġel għall-elezzjoni għaliex jaf li din se ssir qabel tkun konkluża l-investigazzjoni. Ħaseb li se jsib partit u forza nazzjonali maqtugħ mill-ideat u mhux ippreparat. Anki f’dan il-ħsieb, Joseph Muscat għarralu għaliex il-PN uża l-erba’ snin li għaddew biex jara l-bżonnijiet tal-poplu u jsir il-vuċi tiegħu. Il-PN sar il-vuċi tan-negozjanti ż-żgħar, tal-pensjonanti, tal-ambjentalisti, taż-żgħażagħ.
Mario de Marco qal li fl-aħħar erba’ snin, il-PN ta vuċi lil min xtaq li jgħix f’pajjiż normali fejn ma ssaltanx il-liġi tal-ġungla. Vuċi lil min xtaq li l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw b’rispett lejn kulħadd mhux lejn min jiġbdilhom l-ispaga.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li wara l-elezzjoni, il-poplu se jsib lill-Partit Nazzjonalista u l-Forza Nazzjonali jaqtgħu x-xewqat tiegħu. Jekk Joseph Muscat stenna li l-PN se jinqabad għal għarrieda bla ideat, issa nħasad hu għaliex qed jitressqu aktar minn 500 impenn lejn il-poplu u lejn in-nazzjon.
Mario de Marco qal li jekk hawn xi ħadd maħsud hu Joseph Muscat, li qed jara l-poter jaħrablu minn idejh. Tant spiċċa li qed jakkuża lil kulħadd, mir-Russja sal-membri tal-ġudikatura.
Gvern Nazzjonalista iwiegħed li se jħares l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-Forza Nazzjonali twissi li ebda theddid ta’ Joseph Muscat mhu se jsodd ħalq il-poplu dwar il-korruzzjoni.
Joseph Muscat qed jegħreq bil-mażżra ta’ korruzzjoni li niżżlitu wara erba’ snin. Issa twieldet il-Forza Nazzjonali biex ma tħallix lil Joseph Muscat iniżżel lill-pajjiż miegħu.
Mario de Marco sellem lil dawk li wrew kuraġġ u tkellmu fil-miftuħ li filwaqt li erba’ snin ilu fdaw lil Joseph Muscat, illum qed jirrikonoxxu li jridu isem pajjiżna jitnaddaf u għalhekk se jivvutaw lill-Forza Nazzjonali.
//= $special ?>