Il-pajjiż jinsab fi kriżi u jrid ikun l-eroj Malti Simon Busuttil li jerġa’ jagħtih il-fiduċja.
Hekk qalet Marlene Farrugia, il-Kap tal-Partit Demokratiku, hekk kif kienet waħda mill-kelliema fil-mass meeting kbir f’Tas-Sliema.
Marlene Farrugia tat merħba lil dawk kollha li kienu qed isegwu l-attivitajiet marbuta mal-elezzjoni, inkluż lil-Laburisti li huma wkoll iridu jagħżlu lil Malta.
Spjegat li erba’ snin ilu, hi kif ukoll Godfrey Farrugia emmnu fl-għajta ta’ min ried jagħti paġna ġdida lil Malta, imma li mbagħad ittradixxa dik il-wegħda. Qalet li bħall-1987, illum ukoll id-demokrazija u l-futur ta’ pajjiżna huma mhedda. Għalhekk inħolqot forza nazzjonali biex fil-pajjiż ikun hawn Partit Nazzjonalista aħjar minn dak li kien fl-2013, u Partit Demokratiku li jridu flimkien jagħtu d-demokrazija lura lill-pajjiż.
Marlene Farrugia sejħet lil Simon bħala eroj li jrid jagħti lura l-fiduċja lill-pajjiż. Lil min jgħid li l-Forza Nazzjonali hi forza instabbli, fakkritu li l-aħħar li offra gvern relattivament stabbli l-Partit Laburista kien fl-1976. Fl-1981, il-Partit Laburista ggverna kontra l-maġġoranza tal-voti tal-poplu. Fl-1996 dam biss 22 xahar u fl-2013, minkejja vantaġġ ta’ disa’ siġġijiet, niżel wara erba’ snin.
Marlene Farrugia qalet li kien il-PN li rrenda lill-pajjiż ekonomikament b’saħħtu. Kulma għamel Joseph Muscat hu li biegħ dak kollu li bnew missirijietna. Dejjem kienu gvernijiet ta’ qabel, gvernijiet Nazzjonalisti, li taw prodott stabbli biex il-pajjiż ikun jista’ jaħdem.
Marlene Farrugia qalet li l-Partit Laburista ma jaċċettax li jkun hemm mara li tkun f’pożizzjoni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Iridu jużaw lill-mara biss biex jinqdew biha.
Dan hu l-mument opportun biex il-poplu jivvota bla tfixkil. Jekk il-poplu jrid ġustizzja jrid ikun gvern tal-Forza Nazzjonali, jekk irridu impjiegi li jrendu, jekk irridu ekonomija vijabbli, jekk irridu ambjent li jiġi mħares, irid ikun Gvern tal-Forza Nazzjonali.