Internazzjonali

Id-Dinja tar-Rock titlef lil Gregg Allman fl-età ta’ 69 sena

Id-Dinja tar-Rock qed tibki t-telfa ta’ Gregg Allman, wieħed mill-aktar mużiċisti rispettati ta’ kull żmien, li, fis-snin sittin, kien waqqaf il-grupp leġġendarju Allman Brothers Band.

Allman miet fid-dar tiegħu f’Savannah, fl-Istat Amerikan ta’ Georgia, fl-età ta’ 69 sena, b’mewtu tkun ikkonfermata fuq il-websajt uffiċjali tiegħu.

Gregg Allman sar famuż permezz tal-grupp li hu kien waqqaf flimkien ma’ ħuh, Duane; bl-Allman Brothers Band, fl-aqwa tagħhom, joħorġu wħud mill-aktar albums rinomati fl-istorja tar-Rock Amerikan.

Gregg Allman, bħala kantant ewlieni u keyboardist mal-Allman Brothers, kien kiteb uħud mill-akbar suċċessi tal-grupp fosthom Whipping Post, It’s Not My Cross To Bear u Midnight Rider.

Fost l-aktar kanzunetti magħrufa tal-Allman Brothers hemm Jessica, li kienet ħarġet fl-1973 u li ntużat bħala s-sigla tal-ftuh għall-famuż programm televiżiv Top Gear.

L-ewwel tliet albums tal-grupp kienu wittew it-triq għas-suċċess għall-aħwa Allman, iżda d-destin ried li Duane – li jibqa’ msemmi fost l-aktar kitarristi ta’ talent fl-istorja tar-Rock – kellu jitlef ħajtu f’inċident bil-mutur, fl-1971, meta hu kien għad għandu 24 sena.

Sadanittant, Gregg Allman – li fis-sebgħinijiet kien miżżewweġ lill-kantanta, Cher – kellu storja twila ta’ problemi mediċi wara li spiċċa vizzjat bid-droga eroina.

Il-kantant kien onorat bħala ikonu tal-mużika Rock bl-inklużjoni tiegħu fir-Rock and Roll Hall of Fame, fl-1995.