It-theddida terroristika fir-Renju Unit naqset minn waħda kritika għal severa, bil-pulizija tiċċirkola ritratti tat-terrorista suwiċida li, fil-lejl tat-Tnejn, wettaq splużjoni waqt il-kunċert tal-kantanta Ariana Grande f’Manchester, fejn inqatlu jew sfaw feruti għexieren ta’ persuni.
Ir-ritratti li ttieħdu mis-CCTV juru lit-terrorista Salman Abedi fil-lejl proprju meta wettaq l-attakk fil-Manchester Arena. Dan meta l-pulizija kompliet tfittex għal kompliċi potenzjali tat-terrorista f’numru ta’ lokalitajiet waqt li kienet qed iżżomm 11 il-raġel taħt arrest fuq suspett dwar sehem f’attivitajiet terroristiċi.
Il-Pulizija ta’ Manchester fil-preżent qed jappellaw lill-pubbliku għal informazzjoni dwar l-aħħar movimenti ta’ Salman Abedi li kien irritorna fir-Renju Unit fit-18 ta’ Mejju, ftit jiem biss qabel wettaq l-azzjoni li swiet ukoll il-ħajja ta’ diversi tfal.
Ingħad li l-identità ta’ Salman Abedi kienet magħrufa sagħtejn biss wara li seħħ l-attakk tat-Tnejn, bl-awtoritajiet qed ikomplu jirrevedu l-livell tat-theddida potenzjali għall-pubbliku.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ħabbret li l-awtoritajiet, maż-żmien, se jibdew jirtiraw lis-suldati mit-toroq meta dawn, fl-aħħar jiem, kienu stazzjonati f’diversi zoni sensittivi bħala appoġġ għall-pulizija anti-terroristika. Dan sar magħruf wara li May mexxiet laqgħa oħra tal-kumitat tal-emerġenza tal-Gvern magħruf bħala Cobra.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ħejjew miżuri ta’ sigurtà speċjali u addizzjonali għal waqt tellieqa li saret ilbieraħ f’Manchester u li hi magħrufa bħala The Great Manchester Run. F’din it-tellieqa – l-akbar avveniment għall-massa minn wara l-attakk tat-Tnejn — ħadu sehem għexieren ta’ eluf ta’ nies, fosthom is-Sindku ta’ Greater Manchester, Andy Burnham. Hawnhekk spikka wkoll l-applawż kbir għas-servizzi tal-emerġenza li kien segwit b’minuta silenzju għall-vittmi tat-terrur.
L-avveniment, li inkluda l-akbar tellieqa fl-Ewropa fuq distanza ta’ 10 kilometri, qanqal emozzjoni kbira fost il-pubbliku, bin-nies jagħmlu l-almu biex ikattru s-sens tas-solidarjetà waqt li, f’isem komunità sħiħa, iwasslu l-messaġġ li ‘il-belt ta’ Manchester mhix se tbaxxi rasha għat-terroriżmu’.
//= $special ?>