“Meta ppreżentat bi prova tanġibbli ta’ korruzzjoni u frodi fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, il-Prim Ministru Joseph Muscat dawwar wiċċu n-naħa l-oħra” Kliem l-eks CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo f’intervista mal-ġurnal The Sunday Times.
Rizzo qal li f’Novembru tal-2016 talab laqgħa mal-Prim Ministru biex jitlob l-intervent tiegħu wara li l-Ministru Evarist Bartolo għalaq għajnejh għall-korruzzjoni li kienet qed issir.
Philip Rizzo staqsa lill-Prim Ministru: X’għandi nagħmel? Ghandi nirrizenja u nħalli kollox jgħaddi qisu qatt ma kien xejn?’ Ir-risposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat kienet: “Nemmen, mingħajr ma nsib kompromess, li nistgħu nsibulek post ieħor’
Is-sena l-oħra Philip Rizzo rriżenja wara li kixef abbuż mill-fondi pubbliċi fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li allegatament sar mill-kanvasser ta’ Evarist Bartolo Edward Caruana – hu s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru ta’ Evarist Bartolo.
Rizzo jitkellem dwar meta kien imsejjaħ biex imexxi l-aġenzija ETC u wara li ppreżenta lista ta’ promozzjonijiet għal persuni li kien ħaqqhom din il-promozzjoni, Caruana staqsieh x’kulur huma n-nies magħżula. Rizzo wieġeb ‘Kollha bojod’, telaq mill-kamra u rrapporta l-każ lill-Ministru u lill-Prim Ministru.
Meta mistoqsi x kienet ir-reazzjoni ta’ Muscat, Rizzo qal li Muscat daħak. “Qatt ma jkollok risposta diretta mill-Prim Ministru” saħaq Rizzo.
Meta daħal jaħdem fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta Għada, Rizzo sab li ċ-Chief Operations Officer kien qed ibati b’uġigħ f’sidru wara li t-twissijiet tiegħu fuq il-korruzzjoni waqgħu fuq widnejn torox,. Huwa kiteb rapport ta 200 paġna dwar dak li sab – rapport li ilu għand il-Pulizija minn Settembru li għadda.
Rizzo, awditur ta’ esperjenza qal li fl-2013 huwa kellu fiduċja f’Joseph Muscat iżda llum meta jħares lura jgħid li jistħi minn din l-għażla u llum jisħaq li ma jkunx jista’ jorqod bil-lejl jekk jerġa’ jivvota lill-Partit Laburista.
Rizzo jkompli jisħaq li llum ħadd ma għadu jemmen l-għajta Malta Tagħna Lkoll u qal li llum huwa ċar li wieħed ma jistax jaħdem mal-Partit Laburista sakemm mhuwiex lest li jikser il-liġi.
Fl-intervista fuq The Sunday Times Philip Rizzo jgħid li l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt hija waħda kruċjali. “Ma għandniex quddiemna għażla bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil iżda għażla sempliċi bejn it-tajjeb u l-ħażin. Jien dejjem għażilt li nkun fuq n-naħa t-tajba u f’din l-elezzjoni se nżomm mal-istess prinċipju” temm jgħid Philip Rizzo.
//= $special ?>