Internazzjonali

L-Iraq: Periklu kbir għaċ-ċivili ta’ Mosul waqt l-offensiva fuq l-ISIS

Is-suldati Iraqqin javviċinaw l-inħawi ta' Mosul

 

Iċ-ċivili ta’ Mosul, fl-Iraq, qegħdin jintlaqtu l-agħar waqt li l-offensiva attwali mill-militar  fuq il-ġellieda tal-ISIS f’din il-belt. Dan ukoll fost rapporti li ‘it-terroristi qegħdin jikkonċentraw direttament fuq il-familji fiz-zona’.

Lise Grande, il-koordinatriċi għall-għajnuna umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti, irreferiet għal dan ‘l-element ta’ periklu qawwi’, meta ħafna residenti ta’ Mosul diġà qegħdin jiffaċċjaw nuqqasijiet serji ta’ ilma u elettriku.

Il-qawwiet tal-Gvern Iraqi, intant, qalu li għamlu kisbiet militari ġodda waqt assalt ġdid, fi tmiem il-ġimgħa, fuq il-ġellieda tal-ISIS f’Mosul. Rapporti rreferew ukoll għal ‘progress’ fl-isforzi tat-truppi li qed jippruvaw ikeċċu lit-terroristi mill-aħħar fortizzi li għadhom qed jokkupaw fil-Kwartier Antik tal-belt.

Mijiet ta’ eluf ta’ ċivili ħarbu minn Mosul ( it-tieni l-aktar belt importanti f’dan il-pajjiż) mindu l-Armata tal-Iraq, f’Ottubru, bdiet l-offensiva ‘deċiżiva’ biex tieħu lura l-kontroll fl-inħawi.

Iżda Lise Grande qed tgħid li l-parti li jmiss tal-assalt għandha tkun l-aktar waħda diffiċli u problematika ‘meta ċ-ċivili jridu jiffaċċjaw l-akbar livell ta’ periklu tul iż-żmien li ilha għaddejja l-offensiva ( fuq Mosul).’

Hi sostniet li l-ISIS qed jimmira ‘bla ebda skrupli’ għall-familji ta’ Mosul waqt li huma qegħdin jippruvaw jaħarbu mill-vjolenza. Dan meta l-ħażniet tal-ikel u mediċina f’din il-belt saru limitati għall-aħħar, ‘fost il-kriżi tal-ilma u l-elettriku’.

Intant, kollox jindika li l-periklu qed jikber għaċ-ċivili maqbudin fin-neighbourhoods u d-distretti ta’ Mosul meta l-ISIS għadhom determinati li jirreżistu l-assalt tat-truppi bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom.

Il-Gvern Iraqi, f’Jannar, ħabbar li kien ħa lura s-setturi tal-Lvant ta’ Mosul minn idejn l-ISIS iżda l-ġlieda mat-terroristi għall-kontroll assolut taz-zoni tal-belt lejn il-Punent għadha għaddejja u tibqa’, ftit jew wisq, imprevedibbli.