Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Tmienja maqtula waqt sparatura f’Mississippi

Crime Scene

Talanqas tmien persuni tilfu ħajjithom fost sekwenza ta’ sparar (minn persuna waħda) fi tliet l0kalitajiet separati ta’ Lincoln County, fin-Nofsinar tal-Istat ta’ Mississippi.

Wieħed mill-maqtula hu deputat-xeriff, bil-pulizija, ‘il quddiem, jarrestaw raġel li ssemma bħala suspettat ewlieni fir-reat u li bħalissa qed jgħin l-istħarriġ mill-awtoritajiet.

Jidher li għadu kmieni wisq biex l-awtoritajiet jikkunsidraw kwalunkwe għan wara l-qtil, meta l-vittmi kienu jinkludu numru ta’ nisa. L-ewwel inċidenza ta’ sparar seħħet f’Bogue Chitto, bit-tieni sparatura ssir fl-inħawi ta’ Brookhaven u bit-tielet waħda sseħħ f’East Lincoln.

Is-suspettat taħt arrest, identifikat bħala Cory Godbolt, kellu jingħata trattament għall-ġrieħi li ġarrab wara li sparalu xi ħadd waqt l-eqqel tad-drama. Jidher ukoll li persuna ta’ 16 il-sena li x’aktarx inżammet ostaġġ minn Godbolt għal xi żmien tinsab ‘qawwija u sħiħa’, wara li nħelset. Sadanittant, ir-rapporti qed jallegaw li s-suspettat talab skuża għal għemilu filwaqt li saħaq ‘li ma ħaqqux ikompli jgħix’.

Il-Gvernatur ta’ Mississippi, Phil Bryant, fisser din is-sekwenza ta’ reati bħala ‘traġedja li ma tagħmilx sens’.