Internazzjonali

Madwar nofs-miljun refuġjat waqt kriżi ta’ għargħar fis-Sri Lanka

 

Madwar nofs-miljun persuna huma kostretti li jgħixu bħal refuġjati fis-Sri Lanka, b’kaġun ta’ għargħar bla rażan u gliegel tat-tajn enormi dovuti għall-maltemp waqt l-istaġun tal-monsoon.

Kelliema għall-Gvern Srilankan qalu li mietu talanqas 126 persuna b’kaġun tal-elementi, b’xi 100 oħra jkunu rappurtati neqsin fost l-impenji tat-tfittxija.

Numru kbir ta’ ħelikopters u dgħajjes militari qegħdin jgħinu l-kampanja tas-salvataġġ meta jaħsbu li l-inċidenza tal-għargħar fis-Sri Lanka hi l-agħar  mindu monsoon daqstant ieħor b’saħħtu, f’Mejju tal-2003, kien qered xi 10,000 residenza u ħalla mal-250 mejtin f’dan il-pajjiż.

L-aħħar rapporti qalu li twaqqfu mal-190 kampijiet għar-refuġjati Srilankani waqt li kienet għaddejja evakwazzjoni ta’ residenti mill-belt ta’ Matara, lejn in-Nofsinar, li kienet suġġetta għal theddida ta’ għargħar bla rażan.

Jidher ukoll li t-truppi tas-Sri Lanka li qed jappoġġjaw l-impenn tas-salvataġġ waslu fiz-zoni kollha affettwati mill-għargħar, bis-sogru għall-ħajja, bil-mod il-mod, qed ibatti.

L-awtoritajiet, fil-preżent, qed jaħsbu biex jipprovdu l-affarijiet essenzjali – fosthom ikel u ilma – lir-residenti milquta; u fejn huma jridu wkoll jindirizzaw il-problema tas-sanità minħabba sensiela ta’ ħsarat infrastrutturali.

Fost iz-zoni li ntlaqtu l-agħar mill-elementi tal-monsoon hemm id-distrett ta’ Kalutara, fejn kienu rappurtati talanqas ħames inċidenzi ta’ valangi tat-tajn.

Fl-istess ħin, iċ-Ċentru tas-Sri Lanka li jikkontrolla s-Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza ħareġ twissijiet għall-evakwazzjoni ta’ residenti miz-zoni maġenb ix-Xmara Kelani, li tgħaddi mill-kapitali Kolombo, u fost il-biża’ li din ix-xmara kellha tifqa’ l-art ‘minn ħin għall-ieħor’.