Joseph Muscat qal li ma neħħiex lil Konrad Mizzi u Keith Schembri minn Kastilja għax kellu bżonnhom biex iwettaq il-proġetti. Imma l-uniċi proġetti li inawgura kienu kollha proġetti ta’ gvern preċedenti Nazzjonalista. L-uniku proġett li beda hu spiċċa hu qabel spiċċa l-proġett.
Hekk qal Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit, meta illum kien l-ewwel kelliem fil-mass meeting li l-Partit Nazzjonalista organizza f’Tas-Sliema.
Beppe Fenech Adami beda d-diskors tiegħu billi sellem lil George Bonello Dupuis, lil Michael Refalo u lil Ċensu Tabone. Hu żied li erba’ snin ilu, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, intiret partit li kien jinħtieġ li jkun aktar qrib in-nies. Illum, il-Partit Nazzjonalista qed juri li hu lest biex mill-ġimgħa d-dieħla jkun jista’ jmexxi l-pajjiż.
Beppe Fenech Adami qal li matul il-ġimgħa li għaddiet kellna persuna li attakkat lill-Maġistrat li qed imexxi inkjesta kontriha. Kellna persuna li sostniet li kien hemm Vladimir Putin li kien qed jaħdem kontriha. Kien hemm Joseph Muscat li qal li kellu bżonn lil Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jagħmel il-proġetti. Fil-fatt ma jirriżulta li wettaq l-ebda proġett. Kulma għamel kien li inawgura proġetti kollha kemm huma tal-Partit Nazzjonalista.
Il-proġetti li inawgura Joseph Muscat mhumiex tiegħu jew ta’ Konrad jew ta’ Keith, imma huma kollha tal-poplu Malti li ħadem bil-għaqal. L-uniku proġett li beda Joseph Muscat kien dak tal-Kappara, imma spiċċa hu qabel spiċċa l-proġett. Minflok fly-over għamel game-over.
Il-proġetti li għamel Joseph Muscat kienu biex jitfgħu l-miljuni fil-but, kif għamlu bil-power station, it-tanker tal-gass, il-bejgħ tal-passaporti, il-bejgħ tal-isptarijiet.
Minflok meritokrazija, Joseph Muscat ta lill-poplu lil Konrad Mizzi. Minflok it-trasparenza ta lill-poplu lil Keith Schembri.
Beppe Fenech Adami qal li mhux Vladimir Putin li jrid iwarrbu imma l-poplu, għaliex ladarba ma ġġelidx il-korruzzjoni hu korrott hu wkoll.
Matul l-erba’ snin li għaddew, il-poplu ġġieled kontra baħar imqalleb. Għalhekk il-poplu għandu jkompli jaħdem biex fit-3 ta’ Ġunju, flimkien miegħu, jagħżel Malta.
//= $special ?>