Pajjiżna għandu bżonnn bidla, bidla li tista’ ssir fit-3 ta’ Ġunju li ġej meta l-poplu joħroġ biex jivvota. Messaġġ ċar fl-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta li jelenka sensiela ta’ fatti dwar dak li seħħ fl-aħħar erba’ snin taħt Gvern Laburista:
L-ewwel fatt: Teżisti evidenza serja li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, hu persuna nvolut fil-ħasil tal-flus u nvolut f’kickbacks mill-bejgħ tal-passaporti, tal-Enemalta u saħansitra f’pagamenti li saru lil Adrian Hillman.
It-tieni fatt: Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi akkost ta’ kollox lil Keith Schembri, jirrifjuta l-evidenza u allura jittollera l-korruzzjoni.
It-tielet fatt: Il-Pulizija naqset milli tinvestiga s-suspetti mqajma fir-rapporti tal-FIAU, f’messaġġ ċar li Keith Schembri hu ‘l fuq mil-liġi.
Ir-raba’ fatt: is-settur tas-servizzi finanzjarji hu mdawwar minn tħassib li qed jikkawża ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni serja. Xi ħaġa li tista’ tbiegħed lill-investituri.
Il-ħames fatt: La l-Prim Ministru u lanqas iċ-Chief of Staff tiegħu m’huma f’pożizzjoni li jnaddfu r-reputazzjoni ta’ Malta għax kienu l-azzjonijiet u nuqqas ta’ azzjoni tagħhom li ġabu din is-sitwazzjoni.
Is-sitt fatt: Il-wegħdiet ta’ trasparenza u meritokrazija nkisru.
L-istess editorjal ifakkar li ħafna votanti huma mweġġa’ b’Joseph Muscat li nsulta l-intelliġenza taċ-ċittadini li dejjem ħallsu t-taxxa u kienu onesti – meta l-Prim Ministru jiddefendi lil min jevadi t-taxxa fl-istess waqt li jipprova jixtri l-elettorat b’diskors dwar l-ekonomija.
Għalhekk l-editur ta’ The Sunday Times of Malta jiddikjara li l-votanti, malli jidħlu fil-post tal-votazzjoni, is-Sibt li ġej iridu jiddeċiedu liem pajjiż iridu jgħixu fih: jekk hux f’pajjiż fejn il-midja internazzjonali tiffoka fuq il-korruzzjoni f’Malta, fejn l-inkompetenza tiddomina u tirrenja tolleranza għall-ħmieġ.
Jew inkella l-votanti jridu jgħixu f’pajjiż fejn il-prinċipji demokratiċi u l-istituzzjonijet ġew sistematikament imminati?
Fid-dawl ta’ dan l-editorjal ta’ The Times of Malta jappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex iwarrab l-interess personali, l-alleanza politika u l-kburija billi jivvota favur il-ġid komuni u l-futur tal-pajjiż.
Il-Gvern Laburista għamel kisbiet ekonomiċi, iżda issa hemm bżonn Gvern Nazzjonalista, li għandu warajh rekord ta’ serjetà u ħsieb ekonomiku biex isalva dan, jtemm jgħid l-editorjal tat-Times.
//= $special ?>