1. L-iskandlu tal-kumpanija sigrieta ‘Egrant’
X’inhu l-każ?
Il-każ huwa dwar kumpanija sigrieta bl-isem ‘Egrant’ li nkixfet fil-Panama Papers. Is-sid ta’ din il-kumpanija ma kienx żvelat mill-ewwel, peress li skont dokumenti fil-Panama Papers, is-sid kien tant importanti, li ismu seta’ jingħadda biss permezz ta’ Skype. Skont l-istejjer żvelati, fil-kumpanija ‘Egrant’ daħlu mal-miljun dollaru minn kumpanija sigrieta tat-tifla tal-President tal-Ażerbajġan.
Min huma l-persuni fiċ-ċentru tal-allegazzjoni?
Joseph Muscat, Michelle Muscat
Fiex wasal il-każ?
Il-każ qed jiġi investigat mill-Maġistrat Aaron Bugeja. Il-Maġistrat intalab jinvestiga wara li sid Pilatus Bank kien laħaq ħareġ bil-bagalji mimlijin dokumenti mill-bank. F’dak il-lejl, telqet titjira misterjuża lejn l-Ażerbajġan fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu.
F’digriet riċenti tal-Maġistrat Aaron Bugeja, intqal li l-każ huwa tant kumpless li din l-inkjesta mistennija tieħu fit-tul.
X’provi hemm dwar dan il-każ?
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ppubblikat il-kontenut ta’ żewġ ‘declarations of trust’ li jikkonfermaw li din il-kumpanija hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Maġistrat inkwirenti
Il-Maġistrat Aaron Bugeja
2. Tixħim u ħasil ta’ flus mill-bejgħ tal-passaporti
X’inhu l-każ?
Il-każ huwa dwar it-tixħim li Keith Schembri allegatament daħħal minn bejgħ tal-passaporti minn Brian Tonna. Skont id-dettalji żvelati, Brian Tonna biegħ tliet passaporti, li parti mill-flus minnhom għaddew għand Keith Schembri.
Il-flus l-ewwel daħlu fil-kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands ‘Willerby Trade’, imbagħad għaddew fil-kont bankarju ta’ Keith Schembri f’Pilatus Bank.
Min huma l-persuni fiċ-ċentru tal-allegazzjoni?
Keith Schembri, Brian Tonna
X’provi hemm dwar dan il-każ?
Jeżisti rapport tal-FIAU li jikxef il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri mill-bejgħ tal-passaporti.
Fiex wasal il-każ?
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li kien żvela dan il-każ f’konferenza tal-aħbarijiet, kien mar jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, li aktar tard sab li kien hemm biżżejjed provi biex dan il-każ jgħaddi f’idejn Maġistrat differenti għal investigazzjoni kriminali.
Maġistrat inkwirenti
Il-Maġistrat Nathasha Galea Sciberras
3. Tixħim lill-media u ħasil ta’ flus
X’inhu l-każ?
Il-każ huwa dwar il-mod kif Keith Schembri għadda lill-eks Direttur tat-Times Adrian Hillman is-somma ta’ €650,000.
Skont il-provi, f’pagament wieħed, Keith Schembri għadda is-somma ta’ xejn anqas minn US$169,875.60. Dan il-pagament sar minn kont moħbi ta Keith Schembri fil-bank Svizzeru Credit Suisse. Wara li waslu, dawn il-flus inħaslu billi ġew investiti f’bonds internazzjonali permezz ta intermedjarji finanzjarji.
Min huma l-persuni fiċ-ċentru tal-allegazzjoni?
Keith Schembri, Adrian Hillman
X’provi hemm dwar dan il-każ?
Jeżistu żewġ dokumenti, fosthom rapport sħiħ tal-FIAU dwar il-pagamenti li għaddew minn Keith Schembri għal għand Adrian Hillman.
Fiex wasal il-każ?
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ressaq il-provi dwar dan il-każ quddiem il-Maġistrat li qed tinvestiga dan il-każ.
Maġistrat inkwirenti
Il-Maġistrat Josette Demicoli
4. Tixħim mit-tanker tal-gass
X’inhu l-każ?
Fl-aħbar ġiet żvelata l-ġimgħa filgħaxija fuq is-sit elettroniku Independent.com.mt fejn ingħad li rapport tal-FIAU jindika li s-sidien tat-tanker tal-gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, għaddew ħlasijiet – kickbacks – lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
Jidher li kien hemm żewġ attentati biex ikunu trasferiti flus f’kumpanija f’Dubai bl-isem ta’ Seventeen Black, kumpanija reġistrata f’Dubai u li nfetħet apposta biex ikunu trasferiti flus lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri permezz tal-kumpaniji fil-Panama Hearnville u Tillgate.
Min huma l-persuni fiċ-ċentru tal-allegazzjoni?
Konrad Mizzi, Keith Schembri
X’provi hemm dwar dan il-każ?
Skont l-artiklu ta’ The Malta Independent, hemm rapport tal-FIAU li jindika li s-sidien tat-tanker tal-gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, għadda dawn il-ħlasijiet.
Fiex wasal il-każ?
Dalgħodu, id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent mar jippreżenta l-provi quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.
Maġistrat inkwirenti
Sa issa għadu ma ġiex appuntat Maġistrat.
5. Tixħim mill-bejgħ tal-Enemalta
X’inhu l-każ?
Il-każ kien żvelat minn The Malta Independent nhar il-Ħadd li għadda. Fir-rapport, jintqal li l-FIAU investigat il-possibiltà ta’ tixħim anke mill-kuntratt tal-bejgħ tal-Enemalta.
Il-bejgħ tal-Enemalta sar lill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż ‘Shanghai Electric’, rappreżentata minn Cheng Chen. Jirriżulta li Brian Tonna kien fetaħ kumpanija sigrieta anke lil Cheng Chen.
Min huma l-persuni fiċ-ċentru tal-allegazzjoni?
Konrad Mizzi, Keith Schembri
X’provi hemm dwar dan il-każ?
Skont The Malta Independent, hemm rapport tal-FIAU li jissuġerixxi l-possibiltà li kien hemm dan it-tixħim.
Fiex wasal il-każ?
Dalgħodu, id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent Pierre Portelli mar jippreżenta l-provi quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.
Maġistrat inkwirenti
Sa issa għadu ma ġiex appuntat Maġistrat.
//= $special ?>